Lokali

Muscat jgħid li m’għandux minn xiex jistħi u li “kburi”

Hekk kif qed tkompli tiżdied il-pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat biex ikeċċi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, quddiem l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, Muscat minflok kompla jiddefendi l-Gvern u jgħid li m’għandux minn xiex jistħi.

Il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat spiċċa f’nofs numru ta’ kontroversji u skandli, fosthom l-iskandlu tal-Australia Hall, l-iskandlu tal-Cafe’ Premier, l-iskandlu tal-għoti ta’ visas lil-Libjani, l-iskandlu ta’ Gaffarena u l-aktar riċenti, l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.

Joseph Muscat kien qed jitkellem f’attivita’ politika f’Għawdex dalgħodu. Filwaqt li qal li l-Gvern għandu jibqa’ dejjem umli, Muscat qatta’ d-diskors sħiħ tiegħu jiddefendi l-Gvern fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama.

Fil-bidu tal-attivita’, Konrad Mizzi ngħata merħba ta’ eroj mil-Laburisti li nġemgħu għall-attivita’. Dan meta fl-istess jum, rapporti fil-media qed jitkellmu dwar kunflitt intern li hemm fil-Partit Laburista minħabba Konrad Mizzi u l-iskandlu li spiċċa fih.

L-attivita’ politika kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Laburista Deo Debattista u mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri. NETnews.com.mt innota li la l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u l-anqas is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ma ndirizzaw l-attivita’ politika.

Fid-diskors tagħha, Deborah Schembri ddefendiet qatta’ bla ħabel lil Konrad Mizzi u ddeskriviet l-iskandlu tal-Panama bħala xi ħaġa li “m’hi xejn”.

Ritratt: Mill-attivita’ tal-Partit Laburista dalgħodu