Internazzjonali

Polemika f’Napli dwar il-ġojjelli ta’ San Gennaro

Mijiet ta’ nies fil-belt Taljana ta’ Napli għamlu dimostrazzjoni pubblika biex jesprimu l-inkwiet li jistgħu jitilfu l-kontroll fuq il-ġojjelli ta’ San Gennaro – il-qaddis padrun tal-belt – lill-Knisja.

Talanqas 2,000 ruħ inġabru barra l-katidral ta’ Napli bi protesta, fejn insistew li l-belt għandha tibqa’ żżomm id-dritt – validu għal mijiet ta’ snin – li tħares it-teżor imprezzabbli tal-qaddis. Spikkaw, fost oħrajn, ix-xeni tan-nies ixejru l-imkatar bojod fost għajjat ta’ ‘Itilqu jdejkom minn fuq San Gennaro’.

Digriet li ħareġ il-Ministru għall-Intern Taljan, Angelino Alfano, ikklassifika dawk il-ġojjelli storiċi bħala proprjetà reliġjuża u mhux sekulari.

Sadanittant, in-Naplitani li qed jinsistu biex il-belt jibqa’ jħares il-ġojjelli jinkwetaw li d-digriet jista’ jwassal biex il-kunsill speċjali li jieħu ħsieb it-teżor ta’ San Gennaro jitlef dan id-dritt lill-Knisja Kattolika.

Il-ġojjelli inkwistjoni kienu ddedikati lil San Gennaro mingħand ir-rejiet u membri tal-aristokrazija wara li Napli ġarrbet sensiela ta’ diżastri matul is-seklu sittax. It-teżor hu anki kkunsidrat fost l-akbar kollezzjonijiet ta’ oġġetti imprezzabbli fid-dinja.

San Gennaro kien miet marti fir-raba’ seklu u jingħad li demmu mirakoluż hu ppreservat f’riċipjent tal-ħġieġ, fil-katidral ta’ Napli.

Il-belt ta’ Napli żammet il-kontroll tal-ġojjelli għaliex il-kappella ġewwa l-katidral iddedikat lil San Gennaro kienet inbniet mill-fondi tal-belt u mhux mill-flus tal-Knisja.