Internazzjonali

Sfida kbira lill-istampa ħielsa tat-Turkija

Il-gazzetta Zaman, li hi l-akbar waħda fit-Turkija, spiċċat tippubblika edizzjoni b’artikli favur il-Gvern, jumejn wara li nħatfet mill-awtoritajiet tal-pajjiż.

Nhar il-Ġimgħa, qorti fit-Turkija ddeċidiet li z-Zaman, li hi marbuta ma’ avversarju tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, issa trid titmexxa minn amministraturi. Din il-qorti ma tatx raġuni għad-deċiżjoni, bil-proprjetarji antiki tal-gazzetta jgħidu, permezz tal-aħħar edizzjoni ( ta’ nhar is-Sibt) li l-istampa ħielsa fit-Turkija għaddiet ‘minn waħda mill-aktar ġranet suwed fl-istorja’.

Intant, twaqqfet gazzetta ġdida mill-eksħaddiema ta’ Zaman, sigħat wara li l-pulizija, nhar is-Sibt, użat kanuni tal-ilma u gass tad-dmugħ fuq mijiet ta’ sostenituri tal-‘gazzetta antika’ li nġabru quddiem il-kwartieri-ġenerali tal-istess gazzetta, f’Istanbul.

Il-pulizija anki wettqu rejd fl-uffiċini tal-gazzetta wara li d-digriet tal-qorti poġġiet iz-Zaman taħt il-kontroll tal-Istat, iżda l-istampaturi xorta rnexxielhom joħorġu l-edizzjoni tas-Sibt.

Il-gazzetta ġdida li ħarġu l-eksmembri tal-istaff ta’ Zaman jisimha Yarina Bakis – jew ‘Inħarsu lejn il-Ġejjieni’.