Donald Trump, li hu l-favorit li jirbaħ it-tikketta tal-Partit Repubblikan biex jisfida għall-Presidenza tal-Istati Uniti, ħeġġeġ biex il-kandidati Repubblikani Marco Rubio (is-Senatur ta’ Florida) u John Kasich (il-Gvernatur ta’ Ohio) iwarrbu mit-tellieqa ħallu hu jikkuntesta ‘waħdu’ kontra Ted Cruz, is-Senatur minn Texas, li Trump iqis bħala l-uniku rivali ‘denju’.
Il-votazzjonijiet f’numru ta’ Stati fil-proċess magħruf bħala Super Saturday ftit irriservaw sorpriżi għall-Partit Demokratiku fil-Gvern u l-Partit Repubblikan. Dan meta l-kandidati tal-partiti rispettivi qegħdin jittamaw għan-nomina importanti li tippermettilhom li jikkuntestaw għall-Presidenza Amerikana f’Novembru.
Donald Trump u Ted Cruz rebħu żewġ Stati kull wieħed fil-votazzjoni tas-Sibt. Fil-fatt, Cruz jidher li hu l-uniku kandidat Repubblikan li jista’ jisfida lil Trump sal-aħħar, meta hu, rebaħ il-vot (caucus) f’Kansas u Maine. L-aħħar suċċessi għal Trump waslu fl-Istati ta’ Louisiana u Kentucky.
Fit-tellieqa bejn id-Demokratiċi, l-eks Segretarju tal-Istat Amerikan, Hillary Clinton, kompliet bir-riżultati tajbin biex ikkonsolidat postha bħala favorita għat-tikketta tal-partit. Hi kisbet rebħa kbira f’Louisiana waqt li r-rivali dirett tagħha, Bernie Sanders, is-Senatur minn Vermont, rebaħ il-votazzjoni fl-Istati ta’ Kansas u Nebraska.
//= $special ?>