Internazzjonali

Traġedja oħra tal-immigranti barra l-Greċja

Mietu talanqas 24 il-persuna, fosthom tfal, meta għerqet dgħajsa mgħobbija bl-immigranti waqt vjaġġ bejn it-Turkija u l-Greċja.

Id-dgħajsa nqalbet qrib ir-resort Tork ta’ Didim u jaħsbu li l-vittmi jinkludu, almenu, tliet itfal. Fl-aħħar sigħat kienet qed titmexxa missjoni ta’ search and rescue f’dik iz-zona fil-Baħar Eġew fejn kienu salvati talanqas 15 il-immigrant.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni qalet li, bejn il-bidu tas-sena u l-bidu ta’ Marzu, għerqu talanqas 321 immigrant waqt vjaġġi bil-baħar lejn il-Greċja.

Dan meta l-Maċedonja imponiet restrizzjonijiet ġodda għall-immigranti li ġejjin mill-Greċja li jistgħu jikkontribwixxu għal kriżi umana akbar mal-fruntieri.