Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech fetħet libell ieħor kontra l-Mexxej Laburista Joseph Muscat u kontra l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef.
Dan huwa t-tieni libell kontra l-Partit Laburista fi 52 siegħa wara li Ann Fenech fetħet libell ieħor nhar il-Ġimgħa.
Ann Fenech qalet li fetħet dan it-tieni libell wara stqarrija li nħarġet mill-Partit Laburista u li fiha ġie allegat li Ann Fenech ilha b’kumpanija fil-Panama mill-2003 u li żammet kollox moħbi.
Dwar dan, il-President tal-Eżekuttiv tal-PN qalet li din l-istqarrija kienet attentat biex il-Partit Laburista jtellef jew inaqqas mir-reputazzjoni tagħha.
Fl-aħħar jiem il-Partit Laburista nfexx f’attakk fil-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, b’billboards u reklami fuq il-media soċjali.
Dwar dan, Ann Fenech qalet li kellha kuntatt ma’ numru kbir ta’ Laburisti li jaħdmu fil-qasam finanzjarju u li tennew l-istgħaġib tagħhom għall-mod kif il-Partit Laburista qed jipprova jimplika li Direttur ta’ xi kumpanija li taħdem fis-settur finanzjarju, bħal ma hi Ann Fenech, għandha tagħmel xi forma ta’ dikjarazzjonijiet bħallikieku l-interessi tal-klijenti tal-kumpanija huma l-interessi tagħha.
L-attakk mill-Partit Laburista fuq Ann Fenech qed isir fid-dawl tal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Fil-każ tal-iskandlu tal-Panama, il-kumpaniji huma propjetà sħiħa ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Malli Keith Schembri kien inqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, kien qal li se jieħu passi billi jiftaħ il-libelli. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, jiġifieri aktar minn sebat ijiem ilu, Keith Schembri ma ħa l-ebda passi u għadu ma fetaħx libell wieħed.
//= $special ?>