Fi tmiem il-ġimgħa tkompla l-kampjonat nazzjonali tal-basketball u kif kien mistenni, ż-żewġ timijiet li qegħdin l-ewwel fil-klassifika kellhom rebħiet tajba.
Hibs Electrofix rebħu kontra Pavi Depiro u Caffe Moak Luxol rebħu kontra Starlities Sports Experience. Fit-tielet konfront Gżira Athleta għelbu lil Floriana.
Hibs kellhom rebħa tajba kontra Depiro bi skor ta’ 74-48. Hibs ħadu kontroll mill-bidu biex sal-mistrieħ kellhom għaxar punti vantaġġ bl-iskor ikun dak ta’ 31-21. Depiro għamlu reazzjoni wara l-intervall biss wara li naqqsu d-distakk għal-ħames punti (35-30) sofrew ir-reazzjoni ta’ Hibs li bdew l-aħħar għaxar minuti b’vantaġġ ta’47-34 u għalxejn kienu l-isforzi ta’ Depiro biex jerġgħu jidħlu fil-partita.
Luxol qabżu l-mitt punt kontra Starlities. Il-logħba ftit kellha storja wara li Luxol kienu diġa’ 35-6 minn fuq wara l-ewwel għaxar minuti u komplew biex sal-mistrieħ il-vantaġġ kiber għal dak ta’ 54-8. Luxol komplew jiddominaw b’S. Pace tikseb il-mitt punt u spiċċaw rebbieħa bl-iskor ta’ 105-27.
Gżira irritornaw għar-rebħ kontra l-aħħar tim fil-klassifika, Floriana, meta rebħulhom bi skor ta’ 69-32. Wara l-ewwel minuti, Gżira bdew jieħdu kontroll u sal-mistrieħ bnew vantaġġ ta’ 30-19. Gżira żiedu fil-logħob wara l-mistrieħ biex komplew jinqatgħu minn ma’ Floriana.
//= $special ?>