Lokali

Din l-Art Ħelwa tappella għall-approvazzjoni parlamentari tal-Liġi dwar id-Demanju Pubbliku

L-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa qed tappella lill-Parlament biex japprova l-Liġi mressqa mill-Oppożizzjoni dwar id-Demanju Pubbliku, li għandha l-iskop li ssaħħaħ l-amministrazzjoni tal-propjetà pubblika.

Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa qalet li din il-Liġi hi pożittiva għax timponi restrizzjonijiet fuq il-Gvern dwar x’jista’ jagħmel mill-art u mill-propjetà tiegħu. Dan iwassal biex ma jkunx possibbli li jkun hemm spekulazzjoni fuq art tal-gvern mingħajr ma jkun hemm diklassifikazzjoni.

Din l-Art Ħelwa pproponiet li s-sistema tad-deklassifikazzjoni tkun tajba biżżejjed u ma toħloqx toqob li jikkaġunaw ħsara lil-Liġi tad-Demanju Pubbliku. Żoni li huma inklużi fil-Liġi dwar id-Demanju Pubbliku jinkludu widien, żoni ta’ afforestazzjoni, pjazez, fortifikazzjonijiet, riżervi naturali, il-kampanja u siti li huma parti mill-wirt storiku u ambjentali tal-pajjiż. Dawn is-siti se jingħataw il-protezzjoni meħtieġa ta’ protezzjoni.

Din L-Art Ħelwa laqgħet ukoll l-opportunità li tingħata lill-pubbliku biex l-għaqdiet volontarji jirrakkomandaw postijiet pubbliċi għall-użu pubbliku. Din il-Liġi se tiggarantixxi li spazji miftuħa jibqgħu iservu ta’ pulmun ambjentali, anke quddiem il-fatt li Malta għandha l-akbar densità ta’ popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea, b’1,346 persuna kull kilometru kwadru.