Clint Scerri, il-kuntatt bejn is-Segretarjat Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-Dipartiment tal-Artijiet, kien jagħmel pressjoni kbira biex il-każ ta’ Gaffarena jitgħaġġel
“Hekk kif kont narah lil Clint Scerri quddiemi jistenna li nagħmel dik il-minuta jew li nieħu deċiżjoni, kont inħossni marsus. Qisu hemm xi ħadd jiġri warajja. Kont qed niġi pressat nagħmel xi ħaġa li ġeneralment tieħu aktar ħin biex issir”.
Kienet din id-dikjarazzjoni ta’ Carmel Camilleri, eks-Uffiċjal Għoli fid-Dipartiment tal-Artijiet li minn taħt idejh għaddew il-files tal-espropjazzjonijiet ta’ żewġ kwarti ta’ binja fi Strada Zekka fl-iskandlu ta’ Gaffarena. Dikjarazzjoni dwar Clint Scerri.
Carmel Camilleri iddikkjara, f’affidavit li bagaħt lill-Awditur Ġenerali u lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, li kien iħossu mhedded minn Clint Scerri, eks Uffiċjal f’Kastilja li kien qrib l-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon u li kien il-kuntatt bejn Kastilja u d-Dipartiment tal-Artijiet.
Fl-affidavit, Camilleri qal li Clint Scerri kien jagħmel pressjoni kbira biex il-każ ta’ Gaffarena jgħaġġel, b’Marco Gaffarena li kien jidħol meta jrid fid-Dipartiment tal-Artijiet, ħafna drabi akkumpanjat minn Clint Scerri.
“Ġieli kif noħroġ mill-uffiċju kont insib lil Gaffarena ma’ wiċċi, bilqiegħda fuq skrivanija li hemm fil-kuridur” spjega Camilleri fl-affidavit, li qal li Gaffarena kien dejjem isaqsi fiex wasal il-file.
Camilleri spjega li sar jaf l-ewwel darba bit-talba għall-espropjazzjoni f’Lulju 2014 meta Clint Scerri mar ma’ Gaffarena u qallu li kien mibgħut minn Michael Falzon. Lil Clint Scerri, Camilleri qallu li għalkemm id-Dipartiment tal-Lands iwettaq l-proċess biex issir l-espropjazzjoni, ikun il-membru tal-Kabinett li jawtorizza l-espropjazzjoni – b’Clint Scerri jinsisti li ssir il-minuta u jgħid “mhux Michael ħa jiddeċiedi?”.
Camilleri spjega li ftit taż-żmien wara, Clint Scerri mar waħdu fl-uffiċju tiegħu fejn kien qallu li Michael Falzon kien approva li ssir l-espropjazzjoni – tant li ħareġ minuta mill-file miktuba minn Michael Falzon stess.
Fl-affidavit, Camilleri żied li wara li saret il-valutazzjoni tal-kwart ta’ binja fi Strada Zekka, Clint Scerri reġa’ mar flimkien ma’ Gaffarena fejn indikalu biċ-ċar liema kienu l-propjetajiet li kellhom jitpartu. Reġgħu marru l-Lands fl-2015, meta Gaffarena ried li l-Gvern jespropja kwart ieħor tal-binja fi Strada Zekka.
L-iskandlu Gaffarena wassal għar-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari, li kien qal li hu qatt ma ndaħal fil-proċess.
//= $special ?>