ELSA Malta ppubblikat il-pożizzjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ liġi dwar id-donazzjoni tal-organi.
L-assoċjazzjoni tal-istudenti tal-liġi esprimiet ruħha f’position paper favur li wieħed ikollu l-għażla li jiddeċiedi li joħroġ minn sistema li b’mod awtomatiku tagħmlu donatur tal-organi. Iddeskriviet din is-sistema proposta bħala waħda ideali għaliex tuża l-organi ta’ dak li jkun sakemm il-persuna ma tkunx għażlet b’mod speċifika li ma tkunx donatur. Fl-istess ħin, hi sistema li tippermetti lill-qraba tal-persuna biex ikunu huma li jagħtu l-kunsens tagħhom f’sitwazzjonijiet fejn il-persuna la tkun iddeċidiet li ma tipparteċipax u lanqas li tipparteċipa.
ELSA Malta ħeġġet biex is-sistema li qed tiġi proposta bl-abbozz ta’ liġi quddiem il-Parlament, jinħoloq reġistru li jelenka x-xewqat tad-donaturi, jagħti stat legali lid-“donor cards” u jintroduċi l-possibilità li dak li jkun ikollu dokumenti ta’ identifikazzjoni li juru li jixtieq jagħti l-organi tiegħu.
ELSA Malta qalet li biex il-liġi tkun ġusta, għandha twassal għal sistema trasparenti. Qalet ukoll li hemm toroq oħra li wieħed jista’ jmur għalihom f’dan is-settur inkluż it-terapija taċ-ċelloli staminali, il-cloning terapewtiku u xenotransplantation.
Fil-position paper, ELSA Malta rreferiet għal diversi kunsiderazzjonijiet etiċi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni f’dawn l-oqsma xjentifiċi avvanzati fosthom l-istat tal-embrijun fit-terapija taċ-ċelloli staminali.
Irreferiet ukoll għall-pożizzjoni tal-Knisja f’Malta, li tqis id-donazzjoni tal-organi wara l-mewt bħala att kbir ta’ mħabba, filwaqt li qieset ukoll x’jiġri f’diversi pajjiżi oħra tal-UE, fl-Istati Uniti u fl-Iżrael, kif ukoll aspetti negattivi li jistgħu jkunu marbuta mad-donazzjoni tal-organi.
//= $special ?>