Eġizzjan ta’ 59 sena weġġa’ gravi wara li nqabad bejn karozza u dgħajsa f’inċident li seħħ illum waranofsinhar f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1.10pm fi Triq Xatt is-Sajjieda meta żagħżugħ ta’ 20 sena minn Birżebbuġa għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu.
Kawża ta’ dan, ħabat ma’ dgħajsa li kienet imtella’ fuq l-art, bl-Eġizzjan spiċċa nqabad bejn il-vettura u d-dgħajsa. Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li r-raġel mhuwiex il-propjetarju tad-dgħajsa, iżda nzerta kien miexi minn hemm waqt li seħħ l-inċident.
Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li ta l-ewwel għajnuna lill-Eġizzjan qabel ma ttieħed l-Isptar għall-kura, filwaqt li l-Malti li kien qed isuq il-vettura ma sofra l-ebda feriti.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.
//= $special ?>