Il-Pulizija se jkunu qed jinvestigaw il-konklużjonijiet tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-każ Gaffarena issa. S’issa ma kien sar l-ebda kuntatt min-naħa tal-Pulizija mal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali minkejja li fir-rapport kien ingħad li hemm allegazzjonijiet ta’ ksur tar-regolamenti b’possibbiltà ta’ passi kriminali kontra persuni.
Il-laqgħa bejn l-Uffiċjali mill-Economic Crimes Unit u l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali se ssir għada (It-Tlieta) wara li fil-media deheru rapporti bbażati fuq affidavit li sar minn Carmel Camilleri li sakemm sar ir-rapport kien id-Direttur Estate Management fid-Dipartiment tal-Artijiet. Hu kien irriżenja minn din il-kariga wara li ġie ppubblikat ir-rapport.
L-Awditur Ġenerali l-bieraħ għadda kopja tal-affidavit ta’ Carmel Camilleri lill-Kumitat dwar il-Kontijiet.
Mitlub jgħid x’passi għandhom jittieħdu fid-dawl tal-affidavit, Anthony Mifsud, Awditur Ġenerali qal li wara li dettalji dwar l-affidavit dehru fil-media, ġew avviċinati mill-Economic Crimes Unit tal-Pulizija u se ssir laqgħa għada.
Anthony Mifsud ikkonferma li sal-bieraħ ma kien hemm l-ebda kuntatt ieħor min-naħa tal-Pulzija dwar dan il-każ mill-Pulizija.
Kuntrarju għal laqgħat ohra tal-kumitat tal-kontijiet pubbliċi, preżenti kien hemm il-kap tal-komunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia u diversi uffiċjali għolja oħra f’Kastilja.
//= $special ?>