Ambjent Lokali

Fond ta’ €10,000 mill-KSU biex iħeġġeġ l-użu tat-trasport pubbliku

Il-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, nieda l-fond għat-trasport għal din is-sena. Permezz ta’ din l-inizjattiva, ġew allokati mal-€10,000 li se jitqassmu lill-istudenti biex ikunu nċentivati jużaw it-trasport pubbliku bħala mezz alternattiv ta’ trasport għall-Università minflok l-użu tal-karozza privata tagħhom.

Dettalji dwar din l-inizjattiva, li issa daħlet fit-tielet sena tagħha, ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Università ta’ Malta mill-President tal-KSU Becky Micallef u l-Viċi President Andrew Borg Wirth, li kienu akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Malta Public Transport.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-istudenti jkunu jistgħu japplikaw biex jingħataw skont ta’ 50% fuq it-tallinja card tagħhom għat-tlett xhur li ġejjin. Iżda biex jagħmlu dan, l-istudent konċernat ikun irid jirritorna lura l-permess tal-parkeġġ sa’ Ġunju 2016.

Dawk l-istudenti li m’għandhomx ‘parking permit’ tal-Università u wkoll ikunu jixtiequ jibbenefikaw minn din l-inizjattiva, jistgħu jagħmlu dan billi jaqblu li fit-tlett xhur li ġejjin ma japplikawx għall-permess tal-parkeġġ.

Biex l-istudenti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond għandhom japplikaw permezz tal-websajt tal-KSU.

Il-fond huwa parti minn viżjoni ħolistika li l-KSU fassal għal aktar aċċessibiltà lejn l-Università ta’ Malta. Filfatt, fl-aħħar ġimgħat il-KSU nieda l-inizjattiva tal-‘carpooling’, fejn il-KSU qed jirriserva parkeġġ sħiħ għal dawk l-istudenti li jmorru l-Università bl-istess karozza.