Kurżitajiet

GĦALL-BEJGĦ FIR-RENJU UNIT: Replika ta’ Spitfire

Id-dilettanti tat-Tieni Gwerra Dinjija fir-Renju Unit qed iħejju għal irkant li jinvolvi kollezzjoni impressjonanti ta’ memorabilia – fosthom magni tal-ajruplani minn dik l-era u r-replika ta’ Spitfire full-size.

Din il-kollezzjoni tpoġġiet għall-bejgħ mill-familja ta’ Bill Richards, li kien dilettant kbir tal-avjazzjoni u residenti f’Bolton, fir-reġjun ta’ Greater Manchester. Richards, li kien imexxi pub, miet is-sena l-oħra mill-kanċer, wara li qatta’ ħajtu jiġbor l-oġġetti relatati għall-ajruplani.

Ir-replika tas-Spitfire (magħmulha mill-fibreglass) tiswa millanqas 10,000 Sterlina u Richards kien uża partijiet oriġinali għar-restawr tal-kabina tal-pilota fuq dan il-mudell.

L-irkant se jsir ftit tal-jiem oħra fiċ-Cheffins Machinery Saleground, f’Sutton, f’Cambridgeshire.

Skont Tammy Richards ( li fir-ritratt tidher ma’ missierha li qiegħed fil-kabina tar-replika tas-Spitfire), missierha kien ilu ħafna snin magħruf bħala kollezzjonista ta’ memorabilia assoċjata mal-ajruplani. Fil-fatt, Bill Richards kien serva fit-Tieni Gwerra u dejjem kien interessat li jaqra u jsir jaf aktar dwar il-konflitt storiku.

Ir-replika tas-Spitfire, fl-aħħar snin, kien jitwassal bi trailer għal numru ta’ shows u avvenimenti pubbliċi madwar ir-Renju Unit. Intant, Jerry Curzon, irkantatur ma’ Cheffins, qal li hi l-ewwel darba li ‘oġġett daqstant inkredibbli’ se jittella għall-irkant u jistenna li kollezzjonisti oħra, flimkien ma’ kuraturi tal-mużewijiet se juru interess qawwi fis-Spitfire.