Ekonomija Lokali

Il-Governanza Tajba mhijiex għażla, iżda neċessità – il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Governanza Tajba mhijiex għażla, iżda essenzjali fit-tmexxija tal-pajjiż. Qalet dan il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija, fejn saħqet kif għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni f’pajjiżna dwar deċiżjonijiet ħżiena ta’ tmexxija, sitwazzjonijiet fil-Gvern fejn jirriżulta kunflitt ta’ interess u nuqqasijiet fis-settur pubbliku, fost kwistjonijiet oħrajn.

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ kompliet li pajjiżna għandu b’mod assolut u akkost ta’ kollox jevita riskji li jistgħu jaffettwaw lin-negozji u l-investiment minħabba l-inċertezza. Għal din ir-raġuni, il-Kamra se tkompli tappella għat-trasparenza u l-integrità fit-tmexxija ta’ pajjiżna, jiġifieri dawk li jokkupaw karigi pubbliċi.

L-istqarrija kompliet tgħid li fid-dawl tal-aħħar żviluppi f’pajjiżna, irridu nassiguraw il-kredibbiltà tal-pajjiż ħalli nibqgħu parti miċ-ċentru ta’ diversi oqsma globali finazjarji. Il-politiċi għandhom ikaxkru l-eżempju u jmexxu b’responsabbiltà billi jassiguraw li l-poplu u dawk li jħallsu t-taxxi jingħataw dak kollu li hu bi dritt tagħhom.

L-istqarrija temmet tgħid li fid-dawl ta’ dan kollu, Governanza Tajba mhijiex għażla iżda neċessità.