Ir-rapport kien f’idejn il-Gvern qabel mal-Oppożizzjoni tkellmet dwar l-abbużi fiċ-ċimiterji
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg poġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati rapport li għandu f’idejh il-Gvern li sar mill-Amministratur taċ-Ċimiterju tal-Addolorata dwar l-istat li jinsab fih l-operat taċ-ċimiterji u li dwaru l-Gvern ma għamel xejn minkejja li hemm fih ukoll affarijiet li tkellmet dwarhom hi fil-Parlament dwar irregolaritajiet, fosthom jisemmew ukoll skambji ta’ flus u oqbra.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa poġġiet dan ir-rapport bit-titlu ‘Lejn bidla fl-attitudni qabel ma jkun tard wisq’, wara li l-Ministru Konrad Mizzi ddikjara fi stqarrija ministerjali, li ma kien hemm ebda irregolaritajiet fl-aħħar tliet snin fuq allegazzjonijiet li kienet għamlet f’Ottubru li għadda dwar abbużi fiċ-ċimiterji.
Filwaqt li esprimiet fiduċja fl-inkjesta li saret, Claudette Buttigieg saħqet li dan id-dokument li ppreżentat fil-Kamra, kien f’idejn il-Gvern u li kieku ma tkellmitx l-Oppożizzjoni l-Gvern ma kien jagħmel xejn u ebda nkjesta.
Claudette Buttigieg staqsiet jekk il-Ministru Konrad Mizzi hux se jippubblika l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet fiċ-ċimiterji.
Spjegat li ressqet l-affarijiet fil-Parlament eżatt kif semgħathom u għandha informazzjoni li l-Gvern kellu l-istess informazzjoni qabel ma tkellmet hi fil-Parlament, u ma ħax passi. Staqsiet jekk kinux se jsiru l-investigazzjonijiet kieku ma tkellmitx.
Staqsiet ukoll jekk il-Ministru Konrad Mizzi jafx bir-rapport bit-titlu ‘Lejn bidla fl-attitudni qabel ma jkun tard wisq’. Appellat lill-Ministru li jekk le, jarah u jiflih għaliex fih jissemmew affarijiet importanti fuq it-tmexxija taċ-ċimiterji.
Spjegat li r-rapport fih informazzjoni dettaljata fuq il-ħaddiema u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol, u affarijiet aktar pertinenti fuq dak li semmiet hi fil-Parlament.
Rapport li jfisser l-apatija li hemm fl-operat taċ-ċimiterji. Ikkritikat lill-Gvern Laburista li ma ħax azzjoni minkejja li għandu r-rapport f’idejh. Rapport li jsemmi wkoll kif ninsabu fix-xifer u l-bidla mhix lussu iżda ħtieġa urġenti qabel ma jkun tard wisq. Jissemmew ukoll skambji ta’ flus u oqbra.
Staqsiet ukoll jekk hemmx ritratti tal-oqbra investigati.
//= $special ?>