Lokali

Il-Kamra tal-Avukati jkollha tikkoreġi lill-Ministru Owen Bonnici

Il-Kamra tal-Avukati kellha tikkoreġi lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici dwar il-mod żbaljat kif interpreta kummenti li għaddiet l-istess Kamra tal-Avukati dwar il-ħatriet tal-ġudikaturi.

Fl-aħħar jiem, il-Ministru Owen Bonnici preżenta Abbozz ta’ Liġi b’tibdil fil-mod ta’ kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

Fi stqarrija ftit tal-jiem ilu, il-Kamra tal-Avukati kienet qalet li ma tistax taqbel mat-tibdil li ppreżenta l-Ministru sakemm is-sistema l-ġdida ta’ kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura ma tkunx waħda fejn il-Gvern ikun obbligat li jaċċetta l-parir ta’ Kummissjoni apposta ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

Dan peress li l-Kamra tal-Avukati qed tipproponi li jkun hemm Kummissjoni li tagħti pariri lill-Gvern dwar min għandu jinħatar fil-ġudikatura, bil-Gvern għandu jaċċetta dawn il-pariri jew inkella, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jirrifjuta u jiddikkjara formalment li mhux qed jaġixxi skont il-parir ta’ din il-Kummissjoni.

Iżda skont it-tibdil li ppreżenta Owen Bonnici, il-Gvern se jkun jista’ jaħtar membri fil-ġudikatura mingħajr il-parir ta’ din il-Kummissjoni.

Madanakollu, f’kummenti ma’ The Malta Independent, fejn kien mistoqsi għalfejn mhux qed jisma’ mill-Kamra tal-Avukati, Owen Bonnici ta l-interpretazzjoni tiegħu għall-kliem “ċirkustanzi eċċezzjonali” bil-Kamra tal-Avukati jkollha tikkoreġi lill-Ministru Bonnici dwar l-interpretazzjoni tiegħu.

“Bil-kliem “ċirkustanzi eċċezzjonali”, il-Kamra tal-Avukati tfisser sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni ma tagħmilx rakkomandazzjonijiet mingħajr kawża ġusta u mhux sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni ma tapprovax xi kandidat, irrispettivament mill-importanza ta’ dak il-kandidat” qalet il-Kamra tal-Avukati fl-istqarrija tagħha.