Lokali Parlament

Il-Ministru Konrad Mizzi ordnat jagħmel stqarrija ministerjali hu fil-Parlament

L-Oppożizzjoni tingħata raġun li għandu jkun Konrad Mizzi bħala Ministru responsabbli mis-saħħa li jagħmel stqarrija ministerjali u mhux is-Segretarju Parlamentari fil-ministeru tiegħu

L-Oppożizzjoni nsistiet fil-Parlament illejla biex ikun il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, li jagħmel l-istqarrija ministerjali li jrid jagħmel il-Gvern illum dwar il-qasam tas-saħħa, u mhux is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne la darba l-Ministru Mizzi qiegħed preżenti fil-Parlament.

Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, il-Gvern talab biex jagħmel stqarrija ministerjali dwar l-investigazzjonijiet marbuta ma’ allegati abbużi fit-tmexxija taċ-ċimiterji, bl-istqarrija ministerjali kienet se ssir mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, u mhux mill-Ministru responsabbli mis-saħħa, Konrad Mizzi.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, irrifera għal diversi deċiżjonijiet li ngħataw mis-Sedja li juru li hu l-Ministru responsabbli mill-qasam li dwaru tkun se ssir l-istqarrija ministerjali mill-Gvern, li għandu jagħmel l-istqarrija u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Parlament u mhux issir minn Segretarju Parlamentari f’ministeru.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, insista li ladarba fil-Kamra hemm preżenti l-Ministru responsabbli mis-Saħħa, il-Ministru Konrad Mizzi, għandu jkun hu li jinforma lill-Parlament u jagħmel l-istqarrija, u li jkun hu wkoll li jwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu fil-Parlament.

Il-Ministru Owen Bonnici ddefenda lill-Ministru Konrad Mizzi u qal li Segretarju Parlamentari qiegħed fil-ministeru biex jgħin fil-funzjonijiet kollha tal-Ministru, u għalhekk m’hemm xejn ħażin li s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne jagħmel stqarrija ministerjali hu.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco nsista mas-Sedja, li għandu jkun il-Ministru Konrad Mizzi li jagħmel hu l-istqarrija ministerjali dwar is-settur li hu responsabbli minnu, u ma jiddevjax l-argument biex ma jweġibx fuq materji li l-poplu qiegħed jitkellem fuqhom.

Filwaqt li l-Ministru Konrad Mizzi qal li hu jaqsam r-responsabbiltajiet mas-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, l-Oppożizzjoni nsistiet li s-Sedja tagħti ruling dwar din il-materja, bl-Ispeaker jissospendi s-seduta biex tingħata deċiżjoni.

L-istqarrija ministerjali li l-Gvern se jagħmel illum, tittratta l-aħbar xokkanti li kienet żvelat f’Ottubru tas-sena l-oħra x-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, b’rabta ma’ attività illegali ta’ Senior Health Inspector fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata bil-barka tad-Direttur tas-Sanità, meta fost l-oħrajn inbnew u nbiegħu illegalment oqbra, u nies indifnu fuq l-għadam ta’ oħrajn.