Lokali Parlament

Il-poplu lest jagħmel dak li ma jridx jagħmel il-Prim Ministru

Għeluq it-tliet snin mill-ħatra fil-Gvern, il-pajjiż għandu Gvern mifni bil-korruzzjoni

Jekk il-Prim Ministru mhux lest li jkollu l-kuraġġ u jtajjar lil min qed juri sinjali li hu mċappas bil-korruzzjoni, allura se jkun il-poplu li jagħmel dan meta jiġih iċ-ċans.

F’diskors li għamel fil-Parlament fl-aġġornament tas-seduta tal-lejla, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, irrefera għall-protesta nazzjonali li saret ilbieraħ, u qal li eluf ta’ Maltin u Għawdxin daħlu l-Belt biex juru r-rabja tagħhom lejn il-Gvern għall-mod kif qed jimxi. Għeluq it-tliet snin mill-ħatra fil-Gvern, il-pajjiż għandu Gvern mifni bil-korruzzjoni.

Beppe Fenech Adami qal li proprju llum sar pubbliku affidavit mill-eks-Direttur fid-Dipartiment tal-Artijiet li juri li kienet issir pressjoni fuqu minn uffiċjali tal-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.

Beppe Fenech Adami qal li l-eks-Direttur qal li kellu pressjoni minn uffiċjal ta’ fiduċja tas-Segretarju Parlamentari biex jitħaffef il-proċess u biex fl-inkjesta ma jenfasizzax fuq is-sehem tiegħu u tas-Segretarju Parlamentari.

Għar-rimarki li saru mill-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falaozn waqt li kien qiegħed jagħmel id-diskors, Beppe Fenech Adami qal li ma jistax jemmen li Michael Falzon qed iqum u jgħid li ma kien hemm l-ebda pressjoni. Hu stieden lil Michael Falzon biex meta jkun f’ħofra ma jkomplix iħaffer.

Beppe Fenech Adami qal li l-istess parir jagħtih lil Konrad Mizzi għaliex il-fatti juru, kif ammessi mill-istess Ministru Konrad li hu (Konrad Mizzi) fetaħ kumpanija bil-moħbi fil-Panama. Bħalu wkoll inqabad il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Beppe Fenech Adami qal li meta Konrad Mizzi ġie mistoqsi għal spjegazzjoni, aktar qanqal domandi milli wieġeb il-mistoqsijiet.

Għar-reazzjoni tal-Ministru Mizzi li qed sostna li dak li għamel għamlu biex iħares l-interessi tal-familja, Beppe Fenech Adami appella lill-Ministru Mizzi biex jagħti raġuni waħda għaliex biex iħares l-interessi tal-familja kellu jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.

Spjega wkoll li raġuni oħra li ta l-Prim Ministru f’isem Konrad Mizzi, kienet dik li Mizzi għamel dak li għamel għaliex għandu dar f’Londra. Dan ma jiġġustifikax li Ministru jiftaħ kumpannija fil-Panama u jaħbiha fi trust fi New Zealand.

Beppe Fenech Adami qal li Konrad Mizzi hu l-magħżul tal-Prim Ministru. Hu ħa post Godfrey Farrugia bħala Ministru tas-Saħħa. Il-Prim Minsitru tajjar lil Godfrey Farrugia minn Ministru għaliex waqqaf tinda barra l-Isptar Mater Dei. Imma ma’ Konrad Mizzi mexa b’mod differenti. Beppe Fenech Adami qal li Konrad Mizzi biegħ terz mill-Enemalta, biegħ art tal-Gvern, biegħ l-isptar ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech.

Fl-Ażerbajġan fl-istess żmien li kienu qed iwaqqfu l-kumpanija fil-Panama
Konrad Mizzi mar bil-moħbi mal-Prim Ministru u Keith Schembri l-Ażerbajġan fl-istess żmien li kienu qed iwaqqfu l-kumpanija fil-Panama u fl-istess żmien li kienu qed jaħbu t-telf ta’ €14-il miljun fix-xiri taż-żejt.

Beppe Fenech Adami qal li fl-istess żmien li l-Gvern ftiehem biex tinbena l-power station mill-kumpanija SOCAR, kumpannija relatata mal-korruzzjoni, il-Ministru Mizzi u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fetħu kumpanija fil-Panama. Il-Prim Ministru kien jaf b’dan kollu, għaliex sostna hu stess li Konrad Mizzi għaddielu d-dikjarazzjoni tal-assi.

Muscat m’għandux il-kuraġġ ikeċċi lil Konrad Mizzi bħalma tajjar lil Anġlu Farrugia għaliex kritika deċiżjoni ta’ Mħallef
Beppe Fenech Adami qal li Joseph Muscat kien tajjar lil Anġlu Farrugia minn Deputat Kap tal-Partit Laburista għaliex kritika deċiżjoni ta’ Mħallef, iżda lil Konrad Mizzi m’għandux il-kuraġġ ikeċċih. Hu staqsa x’qed iżomm lill-Prim Ministru milli jneħħi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

Beppe Fenech Adami qal li jrid iwassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ. Hu qal li l-folla li attendiet għall-protesta nazzjonali nhar il-Ħadd tagħtih fiduċja li jekk il-Prim Ministru mhux se jkollu l-kuraġġ li jtajjar lill-Ministru Konrad Mizzi u lill-Kap tal-Uffiċċju tiegħu, allura se jkun il-poplu stess li jtajjar lill-Prim Ministru mill-poter meta jiġi ċ-ċans.