Lokali

“Intom tistgħu tagħmlu d-differenza” – Simon Busuttil

Intom tistgħu tagħmlu d-differenza fis-saħħa, fl-ambjent u fil-kwalità ta’ ħajja li ngħixu. Intom tistgħu tagħmlu differenza fid-dinja.

Kien dan il-messaġġ li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wassal lill aktar minn elf student tal-mediċina minn madwar id-dinja li fl-aħħar jiem kienu qed jiltaqgħu f’Malta għall-konferenza internazzjonali tal-federazzjoni li tiġbor l-assoċjazzjonijiet tal-istudenti tal-mediċina minn madwar id-dinja – l-IFMSA.

Simon Busuttil indirizza l-plenarja finali ta’ din il-konferenza, fejn intlaqa’ mill-membri tal-Kumitat Organizzattiv tal-konferenza.

Fil-messaġġ tiegħu, Simon Busuttil ġab l-eżempju bid-differenza li qed jagħmlu hu fil-Partit Nazzjonalista minkejja t-telfa elettorali. Qal li kulħadd jista’ jagħmel id-differenza, inkluż l-istudenti tal-mediċina.

Intant, matul iż-żjara tiegħu fil-konferenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ ma’ ftit mill-mitt membru tal-crew, kollha studenti tal-mediċina Maltin, li fl-aħħar jiem kienu qed jgħinu fl-organizazzjoni ta’ din il-konferenza.