Internazzjonali

Iroddu ġieħ lill-memorja ta’ First Lady eżemplari

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, kien fost l-ewwel distinti li raddew ġieħ lill-memorja tal-eks-First Lady Amerikana, Nancy Reagan, li mietet nhar il-Ħadd minn problemi tal-qalb, f’Los Angeles, fl-età ta’ 94 sena.

Obama u martu Michelle qalu li ‘jħossuhom ixxurtjati li setgħu jibbenefikaw mill-eżempju ta’ Nancy Reagan’. Kien hemm ukoll tifħir għal din il-mara mingħand politiċi ewlenin oħra tal-Istati Uniti u diversi mexxejja barranin.

Nancy Reagan, eksattriċi, damet 52 sena miżżewġa lill-eks-President Amerikan Ronald Reagan li kien miet f’Ġunju tal-2004. Hi serviet bħala First Lady tal-Istati Uniti mill-1981 sal-1989 waqt l-aktar fażi kruċjali tal-eks-Gwerra Bierda u tibqa’ msemmija bħala persuna mill-aktar influwenti għal dik l-era.

L-eks-President Amerikan, George W Bush u l-ekskandidat Repubblikan għall-Presidenza, Mitt Romney, fissru lil Nancy Reagan bħala ‘mara leali li fiha spikkat id-devozzjoni u mħabba għal pajjiżha’.

Sadanittant, l-eks-President Amerikan Bill Clinton u martu Hillary, eks-Segretarju tal-Istat u llum il-favorita li tikseb in-nomina tal-Partit Repubblikan biex tikkuntesta għall-Persidenza tal-Istati Uniti, qalu li Nancy Reagan kienet ‘persuna straordinarja li spikkat bħala First Lady, omm u l-mara ta’ Ronald Reagan’.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li jiftakar kemm Nancy Reagan kienet tappoġġja lil żewġha Ronald Reagan u sostna li hi ‘se tibqa’ mfakkra bħala ħabiba kbira ta’ Iżrael’.

Nancy Reagan għandha tindifen maġenb żewġha fir-Royal Reagan Presidental Library, f’Simi Valley, f’Kalifornja.