Internazzjonali

Jippruvaw issolvu l-kriżi tal-immigranti mat-Turkija

epa05199386 German Chancellor Angela Merkel (L) stands together with Dutch Prime Minister Mark Rutte and Italian Prime Minister Matteo Renzi (2-R) as Hungarian Prime Minister Victor Orban (R) passes by during an extraordinary summit of European Union leaders with Turkey in Brussels, Belgium, 07 March 2016. EU leaders are set to make another attempt to stem a migration surge that is testing their unity and principles, with hopes high that neighbouring Turkey will shoulder more of the burden. EPA/GEERT VANDEN WIJNGAERT / POOL

Il-Mexxejja tal-UE u t-Turkija qed jiltaqgħu fi Brussell f’mument deċiżiv għall-isforzi tal-Ewropa biex tikkontrolla l-kriżi tal-immigranti.
Il-Mexxejja se wżaw dan is-summit biex iħeġġu għal impenn akbar mit-Turkija bl-iskop li l-immigranti u r-refuġjati ma jissugrawx aktar ħajjithom fi vjaġġi perikolużi mit-Turkija lejn il-Greċja. Intant, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet, mal-wasla fi Brussell, li kienet qed tistenna negozjati diffiċli.
Saru diġà numru ta’ vjaġġi fatali fil-Baħar Eġew, waqt li bejn 1,000 u 2,000 persuna qed jaslu, kuljum, fix-xatt tal-Greċja. Fil-preżent hemm ’l fuq minn 35,000 immigrant u refuġjati maqbudin fil-Greċja, fejn ma jistgħux jivvjaġġaw lejn iz-zoni Ewropej tat-Tramuntana minħabba l-għeluq tal-fruntieri.
Hemm ukoll tamiet li t-Turkija tieħu lura immigranti – fosthom Marokkini u Pakistani – li ma jikkwalifikawx għal kenn politiku fl-Ewropa. Ftit tal-jiem ilu, ’il fuq minn 300 persuna ntbagħtu lura t-Turkija mill-Greċja, bl-uffiċjali tal-UE jgħidu li dan kien il-bidu ta’ programm ‘għar-ritorn ta’ immigranti (lejn it-Turkija) fuq skala akbar’.
Il-Mexxejja tal-UE, permezz tas-summit, iddikjaraw ir-rotta mill-punent tal-Balkani ‘magħluqa’, avolja l-maġġoranza assoluta tar-refuġjati u immigranti fil-Greċja huma diġà pprojbiti milli jivvjaġġaw minn dik ir-rotta lejn il-Ġermanja u Stati Ewropej oħrajn. Dan meta l-UE qed timpenja ruħha biex ‘tappoġġja lill-Greċja f’dan il-mument diffiċli u tagħmel li tista’ biex tikkontrolla s-sitwazzjoni’.
Is-summit fi Brussell ikkonċentra fuq inizjattivi li jixprunaw il-ħidma lejn pjan għal azzjoni konġunta li, is-sena l-oħra, kienet miftehma mat-Turkija bl-iskop li r-refuġjati jinżammu barra l-Ewropa. L-UE impenjat tliet biljun ewro biex tgħin titma u tipprovdi kenn lill-kważi tliet miljun refuġjati residenti fit-Turkija, u biex tnaqqas ir-restrizzjonijiet tal-visa għal 75 miljun Tork.
L-UE impenjat ruħha wkoll li tagħti nifs ġdid lit-taħditiet (li ilhom staġnati) għas-sħubija tat-Turkija fl-Unjoni, waqt li t-Torok wiegħdu biex jieħdu azzjoni fil-konfront tat-traffikanti tal-immigranti u jrażżnu l-mewġa ta’ persuni li qed jivvjaġġaw lejn l-Ewropa.
Intant, uffiċjali tal-UE llum qed jitilfu s-sabar minħabba li t-Turkija ma naqqsitx dawn il-vjaġġi tal-immigranti.