Internazzjonali

Qattiel fl-Istati Uniti ‘kuntent’ bil-qtil li wettaq

Raġel fl-Istati Uniti li kien iqatta’ ħajtu jivvjaġġa bil-ferrovija minn post għall-ieħor ammetta li qatel almenu sittax il-persuna – li bħalu ma kellhomx residenza fissa – u issa hemm il-probabbiltà li hu jiskonta l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs.

Iżda Michael Elijah Adams – magħruf ukoll bħala ‘Crazy Mike’ u ‘The Train Killer’ — m’għandu l-ebda dispjaċir, anzi, jgħid li hu ‘kburi b’dak li għamel’. Il-qattiel, fl-istess ħin, qal li qed jistenna b’ħerqa ‘biex jirtira għal ċella ta’ ħabs’ meta hu mistenni li jiskonta l-priġunerija fl-Istat ta’ Virginia.

Adams, li għandu 48 sena u ġej minn Michigan, qal dan kollu waqt intervista fejn irrakkonta kif beda ‘riekeb fuq il-ferroviji’ bħala adolexxenti u li, maż-żmien, sar enforcer għal gang aħrax, fejn ikkommetta diversi omiċidji ‘għalihom’ fil-proċess.

‘Inħossni kburi b’dak li għamilt,’ qal Adams li sostna li ‘hu kien qed jikkontribwixxi għall-ġid bil-qtil tal-agħar membri tas-soċjetà’.

Adams hu mimli bit-tattoos relatati għall-ferroviji u ikkonferma li, meta kien iżgħar, spiċċa abbużat minn membri tal-familja tiegħu sakemm hu telaq mid-dar, fl-età ta’ 14 il-sena, biex jibda jirkeb il-ferroviji waħdu.

Kien proprju waqt vjaġġ partikolari li Adams iltaqa’ ma’ wieħed mill-membri tal-Freight Train Riders Association (FTRA) – gang ta’ nies mingħajr residenza u li tul is-snin kien wettaq numru ta’ reati.

Dan il-grupp, fil-parti kbira, spiċċa xolt, iżda Adams jirrakkonta kif ir-raġel li kien iltaqa’ miegħu ‘adottah’ u għenu jsib postu mal-grupp, sal-punt fejn hu laħaq bħala enforcer – fejn kien jidħol għal ċerti impenji vjolenti.

Fil-fatt, ‘Crazy Mike’ rawwem karriera bħala bniedem tat-twerwir li kien isawwat u joqtol kulmin ipprova jfixkel il-kummerċ bid-droga tal-FTRA, flimkien ma’ persuni li ‘ma wrewx rispett lill-kodiċi tal-grupp’.