Futbol Sport

Roma jridu wirja ‘perfetta’ biex jeliminaw lil Real

Bejn għada u l-Erbgħa, jintlagħbu erba’ partiti mill-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League. Illejla Real Madrid jilqgħu lil Roma wara li fl-ewwel leg rebħulhom 2-0 fl-Olimpico filwaqt li Wolfsburg jilagħbu kontra Gent wara li rebħu 3-2 l-ewwel leg.

Fil-Bernabeu illejla Real Madrid bla dubju se jibdew bħala l-aktar favoriti li jgħaddu għall-fażi li jmiss wara li fl-ewwel leg skurjaw tnejn barra minn darhom. Ta min jgħid li r-riżultat kien kiefer ma’ Roma li kontra l-Ispanjoli kellhom wirja pożittiva. Biex wieħed ikompli jinduna kemm mhux se tkun faċli għal Roma, l-aħħar darba li Real tilfu b’distakk ta’ żewġ gowls fiċ-Champions League kien fis-semifinali tal-istaġun 2010-11 kontra r-rivali Barcelona. Mill-aħħar 33 partita fiċ-Champions League l-Madrileni rebħu 28 u dan kollu jkompli jenfasizza s-saħħa ta’ Real meta jilagħbu quddiem il-pubbliku tagħhom stess. Dan l-istaġun Real għadhom ma tilfux f’din il-kompetizzjoni.

Madankollu l-forma li għaddejin minnha bħalissa Roma żgur li timlihom b’kuraġġ għall-konfront tal-lum. L-aħħar darba li Roma tilfu fis-Serie A kien f’Jannar li għadda kontra Juventus u minn dakinhar ‘l hawn rebħu seba’ partiti konsekuttivi. Dan it-titjib fil-wirjiet hu grazzi għall-kowċ Luciano Spalletti li ħa post Rudi Garcia. Fi tmiem il-ġimgħa Roma kellhom wirja oħra mill-aqwa hekk kif għelbu lil Fiorentina 4-1 biex issa jinsabu fit-tielet post tal-kampjonat. Real ukoll se jkollhom il-moral għoli għal logħba tal-lejla wara li nhar is-Sibt għelbu lil Celta Vigo 7-1.

Protagonist assolut ta’ Real kien is-solitu Cristiano Ronaldo li skurja erba’ gowls. L-istess Ronaldo kien fetaħ l-iskor kontra Roma fl-ewwel leg b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa.

Minkejja li fuq il-karta hi diffiċli għal Roma, il-midfielder Pjanic qal li hu u sħabu se jagħmlu minn kollox biex idawwru r-riżultat.

Real se jkollhom jgħaddu mingħajr l-attakkant Karim Benzema li hu imweġġa’ imma Gareth Bale se jerġa’ jkun lura fl-azzjoni wara li irkupra minn injury fil-pexxul. Minn naħa tagħhom Roma se jkunu mingħajr Daniele De Rossi u Antonio Rudiger.