Marlene Farrugia fissret fil-Parlament li dan hu żmien straordinarju għaliex ilbieraħ it-toroq tal-Belt kienu maħnuqa min-nies
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sfida lill-Ministru Konrad Mizzi jressaq fil-Parlament ksur ta’ privileġġ issa b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet li għamel hu ġimgħa ilu wara li faqqa’ l-iskandlu li fih inkixef il-Ministru Konrad Mizzi bil-kumpanija sigrieta fil-Panama u bit-trust sigriet fi New Zealand.
Waqt li l-Ministru Konrad Mizzi kien qiegħed jagħmel stqarrija ministerjali dwar allegazzjonijietj ta’ abbużi fiċ-ċimiterji, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li d-dikjarazzjonijiet dwar l-iskandlu li xxukkja lill-poplu Malti u Għawdxi u li dwaru lbieraħ eluf ħonqu l-Belt fi protesta nazzjonali, ilu jirrepetihom kemm fil-Parlament kif ukoll barra għal din l-aħħar ġimgħa, bil-Ministru Konrad Mizzi ma ressaq ebda libell. Quddiem dan kollu, u r-rabja tal-poplu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sfida lill-Ministru Konrad Mizzi jressaq każ ta’ ksur ta’ privileġ issa fil-Parlament.
Il-Ministru Mizzi, waqt li kien qiegħed jagħmel l-istqarrija ministerjali dwar iċ-ċimiterji, sfida lill-eks-Deputata Laburista, Marlene Farrugia, illum deputat indipendenti fil-Parlament li wkoll attendiet il-protesta nazzjonali fil-Belt, biex tressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fih, bil-Ministru Mizzi jisfida li l-Gvern, (li għandu maġġoranza qawwija ta’ deputati fil-Parlament minkejja rriżenja ta’ Marlene Farrugia f’Novembru li għadda) iressaqha għad-diskussjoni fi żmien tlett ijiem.
Il-Ministru Mizzi kien qiegħed iwieġeb għal dikjarazzjonijiet li għamlet id-Deputat Marlene Farrugia waqt li kien qiegħed jagħmel l-istqarrija ministerjali dwar iċ-ċimiterji.
Marlene Farrugia fakkret lill-kollegi kollha fil-Parlament, li dan hu żmien straordinarju għaliex ilbieraħ, it-toroq tal-Belt kienu maħnuqa min-nies.
Il-Ministru Mizzi għamel stqarrija ministerjali dwar iċ-ċimiterji meta l-poplu qed jitkellem fuq il-kumpanijia tal-Ministru fil-Panama
Filwaqt li nġibditilha l-attenzjoni mis-Sedja biex iżżomm mas-suġġett tal-istqarrija, Marlene Farrugia saħqet li ma jagħmel ebda sens li ġejna llum fil-Parlament niddiskuti stqarrija fuq iċ-ċimterji meta l-poplu qed jiddiskuti l-kumpanija li għandu l-Ministru Konrad Mizzi fil-Panama.
Marlene Farrugia staqsiet li jekk Konrad Mizzi jrid jitkellem fuq iċ-ċimiterji, għaliex m’għamilx stqarrija ministerjali hu fuq dak li qed jitkellmu dwaru n-nies.
Konrad Mizzi ma riedx jitkellem fuq dak li hu midfun wara l-ħitan fil-Panama li ma tista’ tinfidhom b’xejn
Dwar l-istqarrija ministerjali tal-Ministru Konrd Mizzi dwar iċ-ċimiterji, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fisser is-sitwazzjoni fil-Parlament bħala surreali meta lbieraħ fit-toroq tal-Belt kien hemm eluf ta’ Maltin jipprotestaw quddiem il-korruzzoni li għaddej minnha dan il-Gvern.
Saħaq li l-poplu hu rrabjati għall-Ministru Konrad Mizzi għall-mod kif inqabad li kellu kumpanija fil-Panama u llum fil-Parlament jagħmel stqarrija ministerjali mhux fuq il-kont fil-Panama u fuq il-kontijiet fi New Zealand li nqabad bihom hu u ċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri.
Ikkritika lill-Ministru Konrad Mizzi li ried lis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne jitkellem fil-Parlament fuq iċ-ċimiterji għax hu ma riedx jitkellem fuq dak li hu midfun wara l-ħitan fil-Panama li ma tista’ tinfidhom b’xejn.
Ministri tal-Gvern jitolbu lill-Ispeaker iwaqqaf lill-Oppożizzojoni milli titkellem fuq l-allegazzjonijiet kontra Konrad Mizzi
Wara diversi interruzzjonijiet u point of orders minn membri u Ministri tal-Gvern biex l-Oppożizzjoni titkellem biss fuq is-suġġett tal-istqarrija – iċ-ċimiterji – u wara r-rimarki tal-Ispeaker biex l-Oppożizzjoni titkellem fuq is-suġġett tal-istqarrija ministerjali, Beppe Fenench Adami ddikjara li hu qed jitkellem fuq l-oqbra mbajda.
Beppe Fenech Adami spjega li fl-istqarrija hemm dikjarazzjoni li jidher ċar li l-Gvern ħa b’serjetà kbira b’rabta ma’ allegazzjonijiet dwar iċ-ċimiterji, u qal li jekk din kienet kbira, l-allegazzjoni kontra l-Ministru Konrad Mizzi kif żvelati minn Daphnie Caruana Galizia, hi ġgant.
Hekk kif Beppe Fenench Adami kien se jibda jirreferi għal dak li żvelat Daphnie Caruana Galiza dwar il-kontijiet u kumpaniji moħbija fil-Panama u New Zealand, saru diversi rimarki mill-Ministru Owen Bonnici li talab kontinwament lill-Ispeaker biex jagħti direzzjoni biex l-Oppożizzjoni żżomm mas-suġġett tal-istqarrija ministerjali.
Beppe Fenech Adami wieġeb li l-Ministru Owen Bonnici hu l-uniku forċina li baqagħlu l-Ministru Konrad Mizzi.
Il-Viċi Kap tal-PN sostna li bl-istqarrija ministerjali fuq allegazzjonijiet serji fiċ-ċimiterji, il-Gvern stabbilixxa kejl tal-allegazzjonijiet serji tiegħu, u fisser li l-allegazzjonijiet kontra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja huma serji ħafna, ta’ lanqas daqs taċ-ċimiterji u la darba l-Ministru ġie jitkellem fuq iċ-ċimiterji, għandu jitkellem ukoll fuq l-allegazzjonijiet fuq il-kontijiet u kumpaniji sigrieti tiegħu u taċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
//= $special ?>