Internazzjonali

Sitt tazzi kafe kuljum ‘jistgħu jnaqqsu t-theddida tal-multiple sclerosis’

Riċerka ġdida tissuġġerixxi li persuna li tixorb sitt tazzi kafe kuljum jista’ jonqsilha s-sogru li tiżviluppa l-kundizzjoni magħrufa bħala multiple sclerosis (MS).

Studju li jibbaża fuq kważi 7,000 persuna jiżvela li n-nies indunaw li t-theddida li jiżviluppaw il-multiple sclerosis naqsitilhom bi 30 fil-mija f’sitwazzjonijiet fejn huma jixorbu aktar minn 900 millilitru kafe kuljum.

Dan il-volum tal-kafe – ekwivalenti għal sitt tazzi żgħar – jista’ jidher eżaġerat, iżda, fil-fatt, hu l-ekwivalenti ta’ żewġ large coffees tad-ditta Starbucks jew li jipproduċu coffee shops oħrajn rinomati.

L-MS hi l-aktar kundizzjoni newroloġika komuni li tħalli persuni inkapaċitati. Fir-Renju Unit, madwar 50 persuna fil-ġimgħa (ħafna minnhom bejn l-20 u t-30 sena) qed jinstabu li jbatu minn din il-kundizzjoni.

L-MS, li taffettwa aktar lin-nisa milli l-irġiel, ittellef persuna mill-mobbilità, filwaqt li tikkaġunalha problemi tal-vista, għejja u, kultant, uġigħ f’diversi partijiet tal-ġisem.

L-esperti mhumiex ċerti għalfejn il-kafe jipproteġi lill-bniedem kontra l-marda, iżda jissuspettaw li l-caffeine hu responsabbli għal dan il-fattur. Il-kimika inkwistjoni magħrufa li għandha l-elementi newro-protettivi waqt li kkonvinċew il-provi li hi tikkontrolla kundizzjonijiet li jikkaġunaw forom ta’ nefħa fil-ġisem.