Spiża ta’ €37,500 f’sena f’riċevimenti u f’laqgħat soċjali fir-residenza tal-PM

27 okkażjoni ta’ riċeviment jew laqgħat soċjali f’Villa Francia minn Marzu tal-2013 sal-aħħar tal-2015

Fir-residenza tal-Prim Ministru f’Villa Francia, matul din il-leġiżlatura, minn Marzu tal-2013 sal-aħħar tal-2015, b’kollox saru 27 okkażjoni ta’ riċeviment jew laqgħat soċjali, bl-ispiża għas-sena li għaddiet tlaħħaq mhux anqas minn €37,500.

Meta wieġeb mistoqsija fil-Parlament tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, il-Prim Ministru spjega li kif kien jiġri fl-aħħar leġiżlatura, minn żmien għal żmien hu u l-mara tiegħu jilqgħu nies differenti f’okkażjonijiet varji f’Villa Francia.

Spjega wkoll li matul l-2015, kien hemm għaxar okkażjonijiet fejn saru riċevimenti, laqgħat jew laqgħat soċjali f’Villa Francia bi spiża medja ta’ €3,750 f’kull okkażjoni.

Il-Prim Ministru qal li fl-2015, kien hemm ukoll riċeviment speċjali organizzat fl-okkażjoni tal-ħatra ta’ Arċisqof ġdid. Okkażjonijiet oħrajn fl-2015 kienu jinkludu attivitajiet b’rabta ma’ żjarat f’pajjiżna minn delegazzjonijiet għolja barranin, riċevimenti għas-soċjetà civili u għaqdiet mhux governattivi u attività fl-okkażjoni tal-Milied.

B’rabta mal-ispiża li saret fiż-żamma ta’ dan il-post, matul l-2013, l-2014 u l-2015, l-ispiża kienet ta’ €90,332. Iktar minn terz ta’ din l-ispiza kienet relatata ma’ service agreements, manutenzjoni u titjib tas-sistemi tal-alarm, CCTVs, ACs, lifts u ġeneraturi.

Semma wkoll li fl-2014, kienu allokati fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex jiġu restawrati partijiet minn Villa Francia.