Qorti

Theddida minn qattiel tħasseb Spettur tal-Pulizija

Spettur tal-Pulizija li jmexxi t-taqsima ta’ kontra l-omiċidji, fil-Qorti llum ammetta li theddida ta’ mewt li rċieva mingħand qattiel nisslet fih element ta’ biża’ peress li hu bniedem bħal ħaddieħor.

L-Ispettur Keith Arnaud kien qed jixhed fil-konfront tal-Libjan Nizar El Gadi, ta’ 36 sena, li qed jiskonta s-sentenza ta’ għomor il-ħabs għall-qtil tal-eks-mara tiegħu l-avukat Margaret Mifsud fl-2012. Din id-darba, El Gadi qed jiġi akkużat li hedded lill-Ispettur Arnaud u lil omm Margaret Mifsud waqt li ngħata l-verdett tal-ġuri li seħħ f’Novembru.

Meta kien qed jinqara l-verdett, li sabu ħati tal-qtil ta’ omm iż-żewġt uliedu bi 8 voti kontra 1, il-familja tal-vittma kienet infexxet f’ċapċip waqt li omm il-vittma kienet qalet lil-Libjan “Issa xewqtek inqatgħet”, b’referenza għax-xewqa tiegħu li jibqa’ f’Malta għal kollox.

Dakinhar, El Gadi kien ipponta subgħajh f’forma ta’ pistola lejn omm il-vittma u l-familja tagħha u lill-Ispettur Arnaud kien għamillu sinjal bħal li kieku kien qed iħanxarlu għonqu, u kien qal il-kliem “Int imiss”.

Fil-Qorti, l-Ispettur Arnaud qal li dak il-ħin ma kienx beża’ mit-theddida u li baqa’ jagħmel xogħolu imma, fil-fond ta’ qalbu hu mħasseb għax hu xorta tad-demm u l-laħam. Stqarr li minkejja li El Gadi jinsab il-ħabs, ma jfissirx li m’għandux kuntatti li ma jkunx jista’ jqabbad biex imorru warajh u fakkar li l-Libjan instab ħati ta’ qtil.

Fil-Qorti nqrat dikjarazzjoni ta’ El Gadi lill-Pulizija li kien qal li dakinhar li ngħata l-verdett, kien ixxukkjat għas-sentenza mogħtija u wara li ra lil nies iċapċpu u ma jiftakarx x’seħħ minn dak il-ħin ’il quddiem.

L-avukat Kathleen Grima, li qed tidher għal omm Margaret Mifsud bħala parte civile, appellat lill-Maġistrat Joe Mifsud iżomm f’moħħu li dak il-ħin, l-omm kienet għadha kemm issir taf il-verdett u li l-kumment li hi għamlet ma kinitx provokazzjoni imma kliem ta’ mara muġugħa għat-telf ta’ bintha, u li ulied Mifsud mhu se jkollhom qatt lil ommhom.

L-avukat Martin Testaferrata Moroni Viani, li qed jidher għal El Gadi, qal li l-kumment kien ipprovoka lill-klijent tiegħu. Il-Maġistrat Mifsud mistenni jagħti s-sentenza tiegħu fil-15 t’April.

El Gadi qed jappella mis-sentenza ta’ għomor il-ħabs, mogħtija fil-ġuri preċedenti.