Internazzjonali

Theddida ta’ ‘attakki nukleari’ mill-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq komunista heddet attakki nukleari ‘indiskriminattivi’ fuq l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel, meta dawn iż-żewġ pajjiżi għadhom kemm bdew l-akbar programm ta’ eżerċizzji militari, jew war games, bħala impenn konġunt.

L-eżerċizzji inkwistjoni, imlaqqmin Key Resolve u Foal Eagle, huma avveniment annwali u dejjem jiġġeneraw it-tensjoni fil-peniżola Koreana.

Sadanittant, ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq, permezz ta’ stqarrija, ħareġ direttiva għal ‘attakk nukleari bħala miżura ta’ prevenzjoni fl-interessi tal-ġustizzja’. Mhix l-ewwel darba li r-reġim fi Pyongyang ħareġ b’dawn l-istqarrijiet provokattivi, iżda l-esperti jiddubitaw kemm il-Korea ta’ Fuq għandha l-kapaċità għal attakk speċifiku bil-missili nukleari.

Il-Korea ta’ Fuq tqis il-war games annwali tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel bħala ‘provi qabel invażjoni ta’ artha’.

Madwar 17,000 qawwiet Amerikani qed jieħdu sehem fl-eżerċizzji attwali, flimkien ma’ xi 300,000 suldat tal-Korea t’Isfel. Dawn huma żidiet sinifikanti fuq l-ammonti tal-militar li kienu involuti fl-eżerċizzji tal-2015.

Sadanittant, il-Korea t’Isfel, sigħat ilu, qalet li l-militar tagħha hu lest li ‘iwieġeb għal kwalunkwe provokazzjonijiet persistenti’ min-naħa tal-Korea ta’ Fuq.