Knisja Kultura

Tirritorna f’Ħal Qormi l-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għat-tfal

It-tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa f’Ħal Qormi huma kbar u jmorru lura bosta snin. Mhux magħruf sew meta bdiet tkun organizzata l-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda fl-1764 diġà kien hemm numru ta’ vari fil-Knisja ta’ San Ġorġ, li bihom kienu jsiru xi forma ta’ Purċissjonijiet matul ir-Randan. Dawn il-vari kienu jissejħu “il-Misteri” għax kienu juru xi Misteri tal-Via Sagra.

Ħal Qormi kien ukoll ir-raħal li dejjem daħħal ideat ġodda fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, bħal meta fl-1908 introduċa l-ewwel vara f’Malta li tirrappreżenta t-Tradiment ta’ Ġuda. L-istess jista’ jingħad għaż-żidiet li saru fis-snin 60, meta kienu introdotti xi vari għal kollox ġodda f’pajjiżna, fosthom il-vara tal-Aħħar Ċena u Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu fl-1961, kif ukoll id-Depożizzjoni mis-Salib fl-1965.

Madwar 80 sena ilu, Ninu Azzopardi kien qabbad lill-istatwarju Qormi Karmenu Galea, imlaqqam “Il-Qamru”, biex jaħdimlu sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira bħal tal-Parroċċa. Is-sett kien jinkludi l-istatwi ta’ Kristu fl-Ort, it-Tradiment ta’ Ġuda, il-Marbut, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Veronika, il-Vara l-Kbira, il-Munument u d-Duluri biex fl-1936, Azzopardi beda jorganizza Purċissjoni għat-tfal b’dawn il-vari.

Il-Purċissjoni, li kienet issir l-Erbgħa tat-Tniebri, lejlet Ħamis ix-Xirka, kienet toħroġ mid-dar ta’ Azzopardi stess, fi Triq Pinto, u ddur madwar it-toroq tal-inħawi. Meta miet Ninu, il-Purċissjoni beda jorganizzaha ibnu Karmenu.

Il-Purċissjoni, li kienet tissejjaħ bħala l-Purċuissjoni “tal-Bonu”, tant kienet popolari mat-tfal Qriema li kienet tkun mistennija minn sena għal sena. Għal bosta tfal, din kienet tkun l-ewwel esperjenza tagħhom f’Purċissjoni u bosta minnhom kienu jkomplu f’dan id-delizzju anke meta jikbru, fil-Purċissjoni tal-Parroċċa.

Karmenu Azzopardi miet u miegħu mietet ukoll din id-drawwa, li tant kienet popolari, bil-vari saħansitra lanqas għadhom tal-Familja Azzopardi u ħarġu wkoll mill-Belt Pinto. Iżda din is-sena, il-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi xtaq li din id-drawwa terġa’ tibda u għalhekk, iddeċieda li jorganizza Purċissjoni bis-sehem tat-tfal.

Ġie avviċinat l-artist Omar Camilleri biex jinħadem sett vari bħas-sett l-antik, li kien jinstab fil-Parroċċa bil-qies ta’ madwar 75ċm. Għal din is-sena, l-artist lesta żewġ vari, ir-Redentur u d-Duluri, filwaqt li nħadmu wkoll il-bradelli tagħhom. Dan inħadmu b’mod volontarju minn Ġorġ Debono u ibnu Silvio.

Ġie meħjut ukoll vestwarju ġdid għall-parteċipanti tfal, subien u bniet, kif ukoll saru bosta simboli li jinġarru fil-Purċissjoni. Dawn kollha saru mill-grupp tal-helpers tas-Sagristan tal-Parroċċa. Bejn suldati, personaġġi bibliċi, Abbatini u dawk li jġorru l-vari, il-Purċissjoni se jkun fiha madwar 130 tifel u tifla. B’ hekk, drawwa antika se terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid.

Din il-Purċissjoni se ssir is-Sibt, 19 ta’ Marzu, l-għada tal-Festa tad-Duluri. Tibda ħierġa mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ fil-5.15pm u tgħaddi minn Triq il-Kardinal Xiberras, iddur għal Triq il-Barrakki, Triq Santa Katarina, Pjazza San Franġisk għal Triq il-Kbira u tidħol lura l-Knisja għall-ħabta tas-6.45pm.