Żewġ familji li jgħixu qrib Messina, fi Sqallija, għexu sigħat ta’ qtigħ il-qalb meta uliedhom għebu. Tard is-Sibt filgħodu, iż-żewġ tfajliet ta’ 17-il sena ħarġu mid-dar mingħajr ma qalu lil ħadd mill-familja jew mill-ħbieb u bdew iwettqu pjan li jidher li kienu ilhom li jgħidu lill-ġenituri tagħhom li kienu se jagħmlu. Li jaħarbu mid-dar. Sa jumejn wara instabu, f’Malta.
Sal-bieraħ filgħaxija, il-ġenituri ta’ Martina Sciliberto u Angela Currò ma setgħux jagħmlu kuntatt magħhom minħabba li t-telefon ċellulari kien ikun il-ħin kollu mitfi jew mhux f’pożizzjoni li jwieġbu. Sejħu lill-Carabinieri li ndunaw li t-tfajliet, minn Messina kienu vvjaġġaw lejn Katanja.
Imbagħad, ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-9.30pm, waħda mit-tfajliet ċemplet lil ommha u rriżultalha li kienet barra mill-Italja. It-tfajla qaltilha “Qiegħda Malta ma’ ħabibti. Tinkwetax. Diġà qtajna l-biljett biex niġu lura. Għada filgħodu (illum) naslu lura Katanja. It-titjira titlaq għall-5am u tasal sa siegħa wara. Imbagħad niġi d-dar”. Iktar kmieni kienet qalet lill-ġenituri tagħha li kellha bżonn il-libertà u li ma kinitx riedet tmur lura d-dar.
It-tfajla l-oħra m’għamlet ebda kuntatt mal-familja tagħha, li l-aħħar li kienu rawha kien fil-ħanut tal-familja s-Sibt filgħodu stess meta qaltilhom li kienet se tieqaf mix-xogħol iktar kmieni mis-soltu. Stennew li jsibuha d-dar meta għalqu l-ħanut imma hemmhekk indunaw li kienet nieqsa. F’tentattiv iddisprat, ħarġu appell permezz ta’ ġurnal minn Sqallija, għal informazzjoni dwar binthom.
Għadha mhix magħrufa r-raġuni għaliex għażlu li jqattgħu tmiem il-ġimgħa f’Malta imma dwar dan qed jinvestigaw il-Carabinieri ta’ qrib Messina u dawk ta’ Katanja. L-ewwel ħjiel li t-tfajliet kienu ħarġu minn Sqallija tah aġent tal-ivvjaġġar li wara li ra l-appell tal-awtoritajiet għal aħbarijiet dwar żewġ tfajliet neqsin, qal li kien biegħilhom biljetti tal-ajru għal Malta. It-tfajliet waslu Malta tard is-Sibt b’titjira tal-Air Malta.
//= $special ?>