Lokali

Aġġornata: Raġel iweġġa’ f’inċident fil-Kamra tan-Nar taż-Żejtun

Raġel ta’ 45 sena miż-Żejtun, residenti n-Naxxar, sofra feriti gravi kawża ta’ ħruq għalkemm fortunatament mhuwiex fil-periklu li jitlef ħajtu wara inċident fil-Kamra tan-Nar taż-Żejtun, magħrufa bħala l-Lambordi.

Għadu mhux magħruf x’wassal għal dan l-inċident, li seħħ għall-ħabta tal-9.40am u li fih ma jidhirx li kien hemm xi persuni oħra involuti. Jirriżulta li r-raġel kien qed jaħdem in-nar.

Fil-post issejħet Ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar, fejn qed jingħata l-kura għall-feriti li ġarrab. Waslu wkoll membri mill-Explosives Ordnance Disposal, li raw li m’hemmx aktar periklu fil-post.

Għalkemm fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-kundizzjoni ta’ saħħtu għadha mhix magħrufa, sorsi li tkellmu ma’ NETnews qalu li r-raġel qed isofri minn feriti gravi kawża tal-ħruq li ġarrab.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mid-Distrett taż-Żejtun.

Kamra tan-Nar Lambordi Zejtun