Lokali

FILMAT : “Tliet snin ta’ korruzzjoni, inkompetenza u ingann” – Simon Busuttil

Simon Busuttil jisfida lil Muscat għal dibattitu live waqt Xarabank – ilu sentejn jaħrab id-dibattitu – Agħfas hawn

L-aħħar tliet snin ta’ Gvern Laburista mmexxija minn Joseph Muscat kienu karatterizzati minn każi ta’ korruzzjoni, inkompetenza u ingann. Qal dan il-Kap tal-Oppoizzjoni Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum, lejliet li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għalaq tliet snin fil-Gvern.

“Qed ngħixu kriżi ta’ korruzzjoni kif jixhdu biss tlieta minn sensiela ta’ episodji li seħħew riċentament,” qal Simon Busuttil.

Hu fakkar f’dak li sejjaħlu bħala “l-iskandlu tal-id il-leminija u l-id ix-xellugija tal-Prim Ministru,” jiġifieri Konrad Mizzi u Keith Schembri, li t-tnejn li huma nqabdu li wara li ħadu l-kariga politika tagħhom fetħu l-istess kumpanija u bil-moħbi.

Dan seħħ ftit biss wara li telgħu fl-Ażerbajġan, pajjiż magħruf fost l-iktar korrotti. “Telgħu wahidhom, akkumpanjati biss mill-Prim Ministru u l-assistent tal-komunikazzjoni tiegħu, Kurt Farrugia,” fakkar Simon Busuttil.

Kompla li “dan hu skandlu kbir u xokkanti għaliex Konrad Mizzi hu l-ewwel Ministru responsabbli kemm mill-enerġija kif ukoll mis-saħħa,” żewġ ministeri li għandhom taħt idejhom ħafna proġetti importanti u li jinvolvu ħafna flus.

Konrad Mizzi hu responsabbli wkoll minn Projects Malta, li għandha taħt idejha l-ikbar proġetti f’Malta, kif ukoll Deputat Mexxej tal-Partit Laburista magħżul mill-Prim Ministru stess. Dan minkejja li Joseph Muscat kien jaf li għandu kumpanija sigrieta. “Jien zgur ma kontx nagħmel hekk,” għamilha ċara l-Kap tal Partit Nazzjonalista.

Konrad Mizzi hu wkoll l-uniku Ministru li għandu uffiċċju f’Kastilja, u dan juri kemm hu qrib il-Prim Ministru.

Ankè Keith Schembri hu qrib ħafna tal-PM għaliex hu l-Kap tal-uffiċċju tiegħu u allura kull ħaġa tgħaddi minn taħt idejh. madankollu, minkejja li huma persuni ewlenin f’dan l-iskandlu, il-Prim Ministru għadu ma keċċihomx minkejja li l-poplu tkellem bil-massa waqt protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni li saret nhar il-ħadd li għadda.

“Jekk il-Prim Ministru jibqa’ jinjora t-talba tal-poplu, l-Oppożizzjoni jkollha tieħu l-pass li jmiss,” wissa’ Simon Busuttil.

Skandlu enormi ieħor li għamel riferenza għalih il-Kap tal-Oppożizzjoni hu dak ta’ Gaffarena, fid-dawl li jumejn biss ilu ħarġu dettalji minn affidavit li sar minn Carmel Camilleri, eks Direttur Estate Management fid-Dipartiment tal-Artijiet, fejn jgħid li kienet issirlu pressjoni kbira minn Clint Scerri, il-kuntatt bejn is-Segretarjat Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-Dipartiment tal-Artijiet, biex l-każ ta’ Gaffarena jitgħaġġel.

“X’reazzjoni se jkollu l-Prim Ministru, li anke hawn baqa’ sieket? Issa nafu li xi ħadd mill-uffiċċju ta’ Michael Falzon għamel pressjoni qawwija,” qal Simon Busuttil.

Irrefera wkoll għall-iskandlu tal-Cafe Premier, fejn hu ppruvat li l-Prim Ministru stess kien involut direttament fih għaliex awtorizza hu stess ħlas ta’ €4.2 miljun fuq kumpanija falluta tant li ġie kundannat mill-Awditur Ġenerali li fissru bħala “każ klassiku ta’ bad governance.”

kap pc 3 snin gvern laburista

Iżda fakkar li l-korruzzjoni sseħħ ukoll fuq livelli oħra, bħall-500 persuna li ngħataw position of trust meta ma kienx hemm bżonnhom, imma xi ministru ried ideffishom x’imkien, jew ministru li martu tieħu €13,000 fix-xahar.

“In-nies stess qed jgħidu li ‘this is too much’, qal Simon busuttil, li fakkar ukoll li l-aħħar tliet snin kienu wkoll tliet snin ta’ inkompetenza

Inkompetenza fit-trasport pubbliku li dan il-gvern tant ftaħar li se jirranġa mill-qiegħ, iżda minflok is-sitwazzjoni ġiet agħar u ta’ dan iċ-ċittadini qed iħallsu noll ogħla, waqt li l-poplu qed iħallas tliet darbiet iktar f’sissidju.

Inkompetenza wkoll fil-qasam tal-ġudikatura, hekk kif taħt dan il-Gvern saret għażla ta’ żewġ maġistrati bi ksur tal-kostituzzjoni għaliex intagħżlu għax huma min huma. “Wara din il-froġa, il-Ministru joħroġ b’liġi li ssejħet inkompetenti, falza u kontra l-kostituzzjoni waqt li ġiet kritikata minn kulħadd,” fakkar Simon Busuttil.

Qies bħala inkompetenza wkoll il-fatt li dan il-Gvern ma bediex u lesta proġett wieħed li hu tiegħu, għax dawk kollha li tlestew kienu kollha ppjanati jew mibdija minn Gvern Nazzjonalista, “ħlief Pjazza Kastilja, biex jinqeda hu stess biha. Dan bil-konsegwenza li llum in-nies m’għadomx igawdu minn infrastruttura li jixirqilhom, b’defiċit ta’ tliet snin moħlija.”

Saħansitra f’dawn it-tliet snin intilfu miljuni minn fondi tal-Unjoni Ewropea bħall- €11-il miljun għall-coast road u €2 miljuni mill-proġett taċ-Ċittadella, li beda minn Gvern Nazzjonalista imma lanqas tlesta.

Imma Simon Busuttil fisser dawn it-tliet snin ukoll bħala ingann, bl-eżempju klassiku jkun dak tal-powerstation li kellha tkun lesta f’sentejn, imma għaddew tlieta u għadha ma tlestietx. Madankollu rabat lill-pajjiż f’kuntratt ta’ 18-sena li jixtri mingħand kumpanija bi prezz għoli. Il-prezz taż-żejt naqas.

Gvern li nganna lill-poplu wkoll fuq iż-Żonqor, meta suppost qal li se jibni universita’ Amerikana li la hi amerikana u lanqas universita’. Kellha tkun pressjoni tal-Oppożizzjoni u l-għaqdiet ambjentali li wasslet biex inkixef dan l-ingann.

Semma’ wkoll l-ingann meta x-xufier ta’ Manwel Mallia spara fuq ċittadin, bil-Kap tal-Komunikazzjoni Kurt Farrugia jgħid li l-isparatura saret fl-arja, għaliex il-qerq wasal sa Kastilja.

“In-nies huma rrabjati u jħossuhom ingannati minn dan il-Gvern li wiegħed ħafna imma għamel bil-kontra. Fuq kollox jafu li qed iħallsu huma għax il-paga għadha baxxa, il-pensjoni baxxa wkoll, il-prekarjat għadu b’saħħtu, il-kera tas-social housing għoliet, żdiedu n-nies f’riskju ta’ faqar għal kważi mitt elf, u l-prezz tal-petrol u d-diesel hu d-doppju ta’ meta ż-żejt kien jiswa’ daqs illum.

“Kawża ta’ dan kollu sfortunatament in-nies qed jitilfu l-fiduċja f’dak kollu li qed isir u mill-politika. Dan hu ħasra għax min jiggverna qed jiddeċiedi għall-poplu,” stqarr b’dispjaċir Simon Busuttil.

Iżda fid-dawl ta’ dan kollu, Simon Busuttil kompla bil-ħidma biex il-Partit Nazzjonalista jkun gvern alternattiv tant li ħa d-deċiżjonijiet mistennija minnu u ħareġ dokument b’iktar minn 100 proposta għal governanza aħjar kif ukoll ieħor dwar ekonomija għan-nies, fost l-oħrajn.

“Jeħtieġ li nnaddfu l-politika,” għamilha ċara Simon Busuttil, li poġġa din bħala l-missjoni tiegħu. Kien għalhekk li talab investigazzjoni fuq kull proġett li kellu f’idejh Konrad Mizzi, li l-ebda mill-kuntratti li ffirma ma ppublika. madankollu s’issa din l-investigazzjoni ma bdietx.

Sfida wkoll lil Joseph Muscat għal dibattitu live waqt Xarabank, hekk kif Muscat ilu sentejn jaħrab milli jagħmel dan.

Simon Busuttil qal li la darba l-Prim Ministru jilqa’ din l-istedina, hu jagħmel mill-ġdid l-akkużi kollha li ilu jirrepeti għall-aħħar ġimgħat dwar l-iskandlu “tal-id ix-xellugija u l-id il-leminija tal-Prim Minsitru” jew aħjar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti li l-Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Konrad Mizzi u c-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhom fil-Panama.

Stqarr li qed jagħmel din l-isfida għaliex m’għandux x’jaħbi u mhux se jagħmel bħal membri tal-Gvern li jheddu bil-libell, iżda qatt ma jresquh.