Il-ġurati fil-każ ta’ Carmel Cutajar, akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ martu fir-Rabat, sabu lill-eks Kuntistabbli ta’ 51 sena mir-Rabat stess ħati b’sitt voti kontra tlieta.
Fis-26 ta’ Settembru ta’ erba’ snin ilu, Cutajar spara lill-mara tiegħu wara li din ma riditx tirritorna d-dar miegħu. Madankollu, il-ġurati ddeċiedew li l-akkużat aġixxa taħt passjoni u aġitazzjoni mentali, tant li ma setax jirrealizza l-konsegwenzi wara dak li għamel.
Wara l-vot tal-ġurati, l-Avukat Difensur Edward Gatt irrimarka l-fatt li l-ġurati ħarġu b’vot minimu kontra l-klijent tiegħu, f’dan kien l-ewwel reat kriminali li wettaq. Quddiem l-Imħallef Edwina Grima, id-Difiża qal li l-vittma diġà kien ikkastigat meta kien isseparat minn uliedu.
Min-naħa tagħha, l-Avukat Giannella Busuttil mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-Qorti ma tistax tagħti l-messaġġ li kwalunkwe argument matrimonjali jwassal sa dan il-livell, fejn tintuża’ arma tan-nar kontra l-persuna l-oħra. Il-Prosekuzzjoni sostniet li għalkemm mhijiex titlob għall-piena massima, lanqas ma tippretendi li l-akkużat jingħata l-piena minima.
Wara li ngħatat il-pożizzjoni tad-Difiża u l-Prosekuzzjoni, fis-sigħat li ġejjin l-Imħallef Grima mistennija tagħti s-sentenza.
//= $special ?>


