Internazzjonali

Id-“Dentist tal-Orrur” jgħaddi ġuri fi Franza – akkużat li ħarbat il-ħluq ta’ iktar minn 100 pazjent

Jacobus van Nierop, Olandiż imlaqqam id-“Dentist tal-Orrur” beda jgħaddi ġuri fi Franza wara li ġie akkużat li ħarbat il-ħluq ta’ iktar minn 100 pazjent.

Id-dentist qed jiġi akkużat li qala’ snien b’saħħithom, li kkaġuna ġrieħi kbar fil-ħluq tal-pazjenti tiegħu, akkużi ta’ aggressjoni u anke ta’ frodi għad-dannu ta’ pazjenti u kumpaniji tal-assikurazzjoni. Jekk jinstab ħati tal-akkużi jista’ jintbagħat sa għaxar snin ħabs.

Van Nierop kien ħarab lejn il-Kanada meta tfaċċaw l-akkużi kontrih u ġġieled b’saħħtu kontra l-estradizzjoni lejn Franza fl-2014. Iktar kmieni kien sostna li jbati minn problemi psikoloġiċi inkluż dwar l-identità tal-ġeneru u ħsibijiet ta’ suwiċidju.

Id-dentist kien intlaqa’ mir-residenti tar-raħal remot Chateau-Chinon li bħal ħafna rħula oħra Franċiżi li huma żgħar u maqtugħa, kellhom ftit li xejn provvisti u servizzi mediċi. Iktar tard bdew jirrakkuntaw stejjer tal-waħx, b’uħud jgħidu li snien tajbin tneħħewlhom għal ebda raġuni, li ngħataw loppju qawwi, u li mbagħad kienu jqumu mil-loppju u jsibu ħofor kbar fil-ħanek u ħanek infettat. Ħarġu wkoll stejjer ta’ mili tas-snien li tneħħa biex minfloku d-dentist uża mili iktar għoli u oħrajn qalu li ħalqhom baqa’ jnixxi d-demm għal jiem sħaħ.

L-allegat vittma Sylviane Boulesteix, ta’ 65 sena, hi tipika tal-allegazzjonijiet kontra d-dentist. Qalet li marret għandu f’Marzu tal-2012 minħabba l-braces imma taha seba’ jew tmien injezzjonijiet u qalgħalha tmint isnien f’darba. Qalet ukoll li dam joħorġilha d-demm għal tlett ijiem sħaħ.

Anzjan ieħor ta’ 80 sena qal li d-dentist ħallielu “biċċiet ta’ laħam imdendlin ma’ kullimkien” wara li qalgħalu sinna.

Sal-bidu tal-2013, il-grupp ta’ allegat vittmi ta’ van Nierop tela’ għal 120 u f’Ġunju ta’ dik is-sena kien ġie arrestat imma mbagħad ħarab minn Franza qabel beda l-ġuri kontrih f’Diċembru. Eventwalment kien instab f’raħal żgħir fil-Kanada u ġie arrestat taħt warrant internazzjonali. Minn dakinhar inżamm arrestat fi Franza għall-aħħar 18-il xahar.

dentist of horror