Lokali Parlament

Il-Ministru Joe Mizzi jinfexx f’tgħajjir lill-Oppożizzjoni dwar id-dewmien fix-xogħlijiet fit-toroq fil-lokalitajiet

Il-Ministru Mizzi llum jgħid li hemm koordinament fix-xogħlijiet fit-toroq u fil-mistoqsijiet parlamentari jwieġeb biex il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat

Il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari reġa’ kien dominat minn botta u risposta bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, din id-darba fuq id-dewmien f’xogħlijiet fit-toroq fil-lokalitajiet li qed jieħdu aktar minn sitt xhur u aktar minn sena. Id-dibattitu spiċċa f’għajjat mill-Ministru Joe Mizzi li saħansitra talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jagħti ruling dak il-ħin stess, bir-risposta tas-Sedja tkun li ħa nota tat-talba u li ma kienx se jagħti ruling issa.

L-għajjat mill-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, Joe Mizzi, sar wara diversi mistoqsijiet li resqet lill-Ministru x-Shadow Minister għat-Trasport, Enerġija u Ambjent, Marthese Portelli, li staqsiet dwar toroq fi tliet lokalitajiet partikolari, f’Birkirkara, Ħal Lija u San Ġwann fejn ix-xogħolijiet ilhom għaddejjin, f’każijiet minnhom, aktar minn sena.

Id-Deputat Nazzjoalista Tony Abela wkoll staqsa fuq triq li se tagħlaq sena u li għadha mhix lesta, u li talab lill-Ministru jgħid meta din se titlesta.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli talbet lill-Ministru jgħid quddiem id-dewmien esaġerat biex jitlestew ix-xogħlijiet fit-toroq fil-lokalitajiet, jekk hemmx road management plan biex ikunu koordinati x-xogħlijiet bejn il-Ministeru ta’Joe Mizzi u l-Ministeru tad-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi.

Semmiet kif Triq B’Kara f’San Ġwann bdiet fit-23 ta’ Marzu s-sena l-oħra u għadha ma tlestitx, filwaqt li Triq Pantar f’Ħal Lija li hi qasira, ilha sitt xhur biex titlesta. Irrimarkat li dan qed isir għax m’hemmmx koordinament bejn il-Ministeru ta’ Joe Mizzi u l-Ministeru ta’ Konrad Mizzi, u li kull meta tressaq mistoqsijiet parlamentari t-tweġiba tkun li l-Ministru jibgħatek għand Ministru ieħor, bil-Ministri jwaħħlu f’xulxin u minn dan qed ibati ċ-ċittadin.

Il-Ministru Mizzi rribatta u m’aċċettax li m’hemmx koordinament. Qal li t-traffic management jagħmlu l-kuntrattur li jkun se jagħmel ix-xogħol fit-triq li jressaq quddiem Kumitat biex isir il-koordinament.

Il-Ministru Mizzi jwieġeb fuq traffic management u mhux fuq road management plan
Ix-Shadow Minister irrimarkat li l-mistoqsija kienet dwar jekk il-Gvern għandux road management plan u kkritikat lill-Gvern li fir-risposti li jagħti għall-mistoqsijiet parlamentari jibqa’ jgħid u jwieġeb li t-toroq isiru skont il-prijoritajiet.

Irrimarkat ukoll li road management plan mhux traffic management plan li huma dfferenti, għalkemm relatati. Awgurat li jkun hemm iż-żewġ pjani.

Bil-Ministru Mizzi jinsisti biex l-Oppożizzjoni tagħmel biss il-mistoqsija, talabha tagħmel mistoqsija bil-miktub fuq toroq partikolari biex iweġibha u jagħti l-informazzjoni li jkollu.

Marthese Portelli saħqet li ma tifhimx kif meta l-Ministru Mizzi ma jkollux risposta, jintefa’ jitgħajjar, bl-Ispeaker jappella biex jieqaf kulħadd, lill-Ministru Mizzi joqgħod bilqiegħd,a u appella biex il-mistoqsijiet ikunu fil-qosor.

Ix-Shadow Minister staqsiet ukoll lill-Ministru jispjega kif minkejja li fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista kien hemm miktub li se jitwaqqaf unit għar-road works, illum hemm diversi lmenti minn diversi lokalitajiet, anke dwar it-triq li tagħti għall-Baħrija. Talbet għal darb’oħra lill-Ministru jgħid jekk hemmx road works management plan.

Wara li l-Ministru Mizzi qal li hemm kumitat ta’ koordinament fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, akkuża lill-Oppożizzjoni li qed tfixkel il-ħidma tal-Gvern bil-mistoqsijiet fil-Parlament.

Wara li Marthese Portelli talbet lill-Ispeaker biex ma jippermettix lill-Ministru Mizzi jiġi jitgħajjar fil-Parlament, il-Ministru Mizzi talab lill-Ispeaker jagħti ruling dwar dan, u dak il-ħin stess, għax qal li hu qed iwieġeb skont ir-regolamenti tal-Kamra.

Bid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, jgħid li t-triq li rrifera għaliha d-Deputat Nazzjonalista Tony Abela hi lesta għax qal li rċieva sms bil-mowbajl, Tony Abela wieġeb li d-Deputat Laburista qed iħallat triq m’oħra, u li mhux minnu dak li qal għaliex it-triq tinqasam b’wied, u nofs it-triq għadha mhix lesta.

Il-Ministru Mizzi fit-tweġibiet bil-miktub jitlob lill-Oppożizzjoni tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċerat
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg saħaq li mhux aċċettabbli li llum il-Ministru Mizzi jiftaħar u jiddikjara li hemm koordinament bejn Ministru u ieħor, iżda meta jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari jagħmel bil-maqlub, bħalma għamel 15-il ġurnata ilu meta ma weġibx mistoqsija parlamentari fuq ix-xogħlijiet fit-toroq u kien talab biex il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat.

Antoine Borg saħaq li l-Oppożizzjoni qed tagħmel id-dover tagħna li tistaqsi iżda l-Gvern mhux iwieġeb.

Il-Ministru Mizzi jammetti li triq li ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu ma jistax iwieġeb hu

Il-Ministru Joe Mizzi ddefenda għal din il-kritika billi qal li triq li ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu ma jistax iwieġeb hu, u saħaq li t-time-frame hu f’idejn min qed jagħmel ix-xogħol u mhux tiegħu.