Internazzjonali

Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Brażil b’dahru mal-ħajt dwar l-iskandlu tal-Petrobras

L-analisti politiċi qed jemmnu li l-ħajja politika tal-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, għandha taħbat dejjem aktar mal-intoppi minħabba l-każ storiku ta’ tixħim u korruzzjoni istituzzjonalizzata konness mal-kumpannija taż-żejt tal-Istat, Petrobras.

Dan meta l-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan ta’ Rousseff hu implikat bil-kbir f’dan l-iskandlu – tant li l-analisti jemmnu li Rousseff u Luiz Inacio Lula da Silva, l-eks-President Brażiljan u membru-fundatur ta’ dan il-partit, jinsabu ‘b’dahrom mal-ħajt’ waqt li qegħdin juru d-disprament tagħhom.

Lula hu akkużat li aċċetta t-tixħim mingħand erba’ kumpanniji involuti fl-iskema tal-korruzzjoni assoċjata mal-kumpannija Petrobras. Intant, l-analisti jaqblu li l-arrest temporanju tal-eks-President, nhar il-Ġimgħa, (bħala parti mill-investigazzjoni) kellu l-effett ta’ ‘bomba’ għall-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan.

Lula da Silva kien strumentali ferm fil-karriera politika ta’ Rousseff, li llum qed tiffaċċja proċeduri ta’ impeachment dwar allegata tmexxija ħażina fiskali. Il-Qorti Suprema tal-Brażil anki qed tikkunsidra irregolaritajiet potenzjali matul il-kampanja elettorali ta’ Rousseff u mhux eskluż li tista’ tannulla r-rebħa għall-President Brażiljan fl-elezzjoni tal-2014. Din il-kampanja partikolari setgħet, intant, inkludiet il-fondi ‘li kienu ġejjin mill-kumpannija Petrobras’.

Sadanittant, l-Oppożizzjoni fil-Brażil u s-sostenituri ta’ Rousseff qegħdin jaħsbu għal ‘kampanji fit-toroq’ rispettivi u wieħed mill-analisti, Gabriel Petrus, jemmen li l-President Rousseff u Luiz Inacio da Silva ‘se jiġġieldu sal-aħħar kontra l-kurrenti’.

Skont Petrus, il-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan għandu jaddotta strateġija ta’ ‘kollox jew xejn’, f’sensiela ta’ dimostrazzjonijiet li qed jibda fl-ibliet kbar tal-Brażil. Iżda l-analisti jemmnu li l-konkorrenza għal dawn ir-rallies ‘mhumiex se jibdew’ mad-dimostrazzjonijiet favur politika nadifa li l-Oppożizzjoni se torganizza nhar il-Ħadd.

Min-naħa tiegħu, David Fleischer, xjenzat politiku mal-Università ta’ Brażilja, qal li l-prosekuturi qegħdin jagħfsu l-morsa dejjem aktar fuq Lula, li qed jiċħad li aċċetta l-flus mill-korruzzjoni filwaqt li kkundanna l-arrest ta’ jiem ilu bħala ‘farsa’. Fleischer, lanqas ma jeskludi li Lula jista’ jispiċċa l-ħabs ‘fi kwistjoni ta’ ġimgħat’.

Sadanittant, ‘theżżiża oħra’ huma rapporti mhumiex ikkonfermati li Delcidio do Amaral, senatur tal-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan, hu lest li jixhed li l-President Rousseff kienet ‘fixklet l-investigazzjoni dwar il-Petrobras’. L-iżvilupp kapaċi anki jsaħħaħ il-moviment fil-Brażil li qed jinsisti għall-impeachment ta’ Dilma Rousseff.