Internazzjonali

Iżraeljani mira ta’ vjolenza….Sensiela ta’ attakki fl-inħawi ta’ Tel Aviv u Ġerusalemm

Numru ta’ Iżraeljani fl-inħawi ta’ Tel Aviv u Ġerusalemm, fl-aħħar sigħat, spiċċaw mira ta’ aggressjoni, fejn talanqas persuna waħda tilfet ħajjitha.

Kien hemm ukoll numru ta’ nies feruti wara li huma sfaw aggrediti bis-skieken jew suġġetti għall-isparaturi. Il-persuna li tilfet ħajjitha f’din il-vjolenza kienet fiz-zona tal-port ta’ Jaffa, lejn in-nofsinar ta’ Tel Aviv, fejn aggressur armat b’sikkina attakka lil talanqas 10 persuni li nzerta quddiemu. Il-Pulizija qalet li r-raġel armat l-ewwel attakka lil xi nies fiz-zona tal-port imbagħad telaq lejn iċ-ċentru tal-belt fejn kompliet id-dagħdigħa vjolenti. Ħamsa mill-feruti jinsabu f’kundizzjoni serja, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-aggressur spiċċa mrażżan mill-qawwiet tas-sigurtà.

L-aggressjoni seħħet qrib il-Peres Center for Peace (fiz-zona Jaffa-Tel Aviv), fejn il-Viċi-President Amerikan Joe Biden kien qed iżur lill-eks-President ta’ Iżrael, Shimon Peres.

F’attakk ieħor partikolari – din id-darba f’Ġerusalemm – raġel armat fetaħ in-nar fuq grupp ta’ pulizija li kienu barra l-Bieb ta’ Damasku tal-Belt Antika, u fejn talanqas pulizija ndarab serjament. Pulizija ieħor li kien qed jiġri wara dan l-aggressur ukoll spiċċa ferut iżda l-aggressur, aktar tard, spiċċa maqtul minn tiri ta’ arma.