Lokali

Jum il-Mara 2016: Lejn Ugwaljanza permezz ta’ Soċjetà Inklussiva – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fir-rwol fundamentali tal-mara fis-soċjetà u f’ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi.

Dan ingħad fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, li fiha l-Partit Nazzjonalista fakkar il-kisbiet tal-mara matul is-snin u ħeġġeġ lis-soċjetà biex tkompli tiftaħ il-bibien ħalli aktar nisa jilħqu l-milja tagħhom, filwaqt li jikkontribwixxu lejn is-socjetà tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll fis-suċċessi miksuba matul is-snin, għalkemm sellem lil dawk in-nisa li għadhom qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet bażiċi tagħhom waqt li jbatu fis-skiet il-konsegwenzi tal-vjolenza domestika. Din il-ġlieda għandha tkompli tingħata prijorità.

Il-Partit Nazzjonalista awgura li l-Gvern ikompli jsaħħaħ l-istrutturi għall-benefiċċju ta’ dawk fil-bżonn, kif ukoll għal titjib tas-soċjetà inġenerali.

Stqarrija maħruġa mill-MNPN
Sadanittant, anke l-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista sellem lin-nisa kollha, b’mod partikolari lil dawk morda, anzjani jew li għaddejjin minn mumenti diffiċli. Fi stqarrija, il-Moviment qal li ma jistax ma jsemmix il-fatti li ġraw dan l-aħħar, li wrew biċ-ċar kemm dan il-Gvern ma jistmax lin-nisa kif jixirqilhom.

Fl-ogħla istituzzjoni ta’pajjiżna, Deputata ġiet mgħajra għax uriet il-kapaċità u l-kuraġġ li tikkundanna dak li hu hażin. Agħar minhekk, l-istess Deputata ġiet akkużata li jekk tipprovoka, ma tistax tistenna trattament aħjar.

Fl-istqarrija, l-MNPN fakkar li fatt ieħor li xejjen il-progress li għamlet il-mara Maltija fl-aħħar għexiren ta’ snin kienu n-nominazzjonijiet taż-żewġ Maġistrati nisa ġodda. Hi ħasra li wara li tant tfajliet u nisa qed jilħqu livelli akkademiċi għolja u qed jagħtu sehem ta’ siwi kbir fis-soċjetà tagħna, kellhom jintagħżlu persuni li jqajmu polemika fuq skala nazzjonali.

Il-MNPN qal li jħoss li dan kien insult fil-konfront tan-nisa Maltin, aktar u aktar wara li d-drittijiet u l-opportunitajiet tan-nisa kienu żdiedu bil-kbir u qed jagħtu l-frott. Fl-istqarrija, l-MNPN qal li hu konvint li l-Partit Nazzjonalista, kif ġa qed juri mill-Oppożizzjoni, bil-karigi u spazji li qed jingħataw fl-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni tal-Partit, jibqa’ dejjem il-Partit li tassew jirrispetta u japprezza l-veri kapaċitajiet tal-mara Maltija.