Lokali

‘Jum il-Mara’ – Għad għandna għalfejn niċċelebrawh?

“Illum għad għandna għalfejn niċċelebraw Jum il-Mara, għalkemm saru avvanzi kbar, mir-riċerka għad jidher li fid-dinja tal-llum hawn gender gap bejn in-nisa u l-irġiel” – kien dan il-kumment ta’ waħda mill-mistiedna fid-diskussjoni organizzatta mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, Amy Camilleri Zahra.

Id-diskussjoni mill-MNPN saret f’Jum il-Mara bit-tema ‘Il-Mara Maltija – Illum u Għada’, fejn għaliha kien hemm preżenti numru kbir ta’ nies flimkien ma’ mistiedna distinti.

Għal din id-diskussjoni, attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fejn semma’ n-numru ta’ tibdil li saru fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista biex jippromovi l-parteċipazzjoni tan-nisa, fejn semma’ kif fit-tmexxija tal-Partit stess hemm 3 minn 7 membri li huma nisa. Minn naħa l-oħra, fuq skala nazzjonali Simon Busuttil irrimarka li għad fadal ħafna xi jsir f’pajjiżna fil-promozzjoni tal-ugwaljanza fis-soċjeta tagħna. Hu semma’ kif skont l-aħħar rapporti ppubblikati, pajjiżna niżel drastikament fil-klassfika tal-pajjiżi madwar id-dinja fil-qasam tal-paga medja tan-nisa, fuq ugwaljanza fil-pagi bejn is-sessi, fuq is-saħħa, u anke fil-parteċipazzjoni politika tan-nisa.

Ħadna l-kumment tas-Segretarju Generali Rosette Thake, fejn tkellmet kif fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess, saru avvanzi kbar biex il-mara jkollha sehem ugwali fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista stess.

Attendew ukoll il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Anne Fenech, il-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiveira, il-Viċi President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Amy Camilleri Zahra, u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella. Preżenti wkoll kien hemm id-deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u Marthese Portelli. Id-diskussjoni tmexxiet minn Claire Mifsud.