Skiet assolut minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama u t-Trust fi New Zealand miżmuma minnu u mill-Ministru Konrad Mizzi. Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal The Times of Malta rrapporta kif Schembri injora mistoqsijiet li ntbagħtulu aktar minn ġimgħa ilu biex iweġeb dwar dan.
Fi stqarrija fl-aħħar ta’ Frar, Keith Schembri qal li fetaħ Trust fi New Zealand u kumpanija fil-Panama bħala pjan ta’ kontinġenza. Iżda ċ-Chief of Staff ta’ Muscat naqas milli jwieġeb għaliex ħass li kellu jiftaħ kumpanija propju fil-Panama, li hi magħrufa bħala ‘tax haven’.
Schembri ammetta li għandu din il-kumpanija fil-Panama wara li l-kumpanija kienet żvelata minn Daphne Caruana Galizia fil-blog tagħha. Il-kumpanija twaqqfet fl-istess żmien meta Keith Schembri, flimkien mal-Ministru Konrad Mizzi u l-Prim Ministru Joseph Muscat kienu marru fi żjara sigrieta fl-Ażerbajġan.
Il-kumpaniji twaqqfu permezz tal-kumpanija Nexia BT, li fetħet ukoll il-kumpanija tal-Ministru Konrad Mizzi fil-Panama u li tieħu ħsieb ukoll il-finanzi tal-grupp Kasco.
Dawn kienu l-mistoqsijiet mibgħuta minn The Times of Malta:
1. X’kienet ir-raġuni wara l-ftuħ ta’ Trust ieħor fl-2015 meta l-materji ta’ natura familjari kienu rranġati fl-2013 eżatt wara li Keith Schembri inħatar Chief of Staff?
2. Meta nfetaħ it-Trust fi New Zealand?
3. Min huma t-trustees fi New Zealand?
4. X’inhu r-rwol ta’ Keith Schembri f’dan it-Trust?
5. X’tip ta’ assi kien qed jikkonsidra li jpoġġi Keith Schembri fil-kumpanija fil-Panama, ladarba ddikjara li l-kumpanija ma kinitx qed tagħmel negozju?
6. Min hu l-benefiċjarju tal-kumpanija fil-Panama?
7. Hemm Trusts oħra propjetà ta’ Keith Schembri u meta nħolqu dawn it-Trusts?
8. Jista’ jikkonferma li hu s-sid, dirett jew permezz ta’ Trust, ta’ kumpanija fil-British Virgin Islands?
9. Meta ħa l-pussess tal-kumpanija fil-British Virgin Islands?
10. Għaliex Keith Schembri u Konrad Mizzi waqqfu Trust u Shell Company fil-Panama fl-istess żmien taż-żjara fl-Ażerbajġan?
11. Meta eżatt Keith Schembri informa lill-Prim Ministru dwar din l-istruttura finanzjarja?
12. Jista’ Keith Schembri jipprovdi lista sħiħa ta’ kumpaniji ‘offshore’ li tagħhom hu l-benefiċjarju?
13. Fid-dawl ta’ dawn il-mistoqsijiet ta’ natura finanzjarja, għadu jħoss li l-pożizzjoni tiegħu għadha tenibbli?
Sadanittant, il-Ħadd li għadda, il-gazzetta The Sunday Times żvelat ukoll li fl-istess żmien, biljunarju Ażeri meqjus bħala kollaboratur ewlieni tal-President Ilham Aliyev fetaħ sitt kumpaniji f’Malta bl-għajnuna ta’ Nexia BT.
//= $special ?>