Kunsilli Lokali Lokali

Kunsillier Laburista jordna lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Belt

Il-Bord ta’ Governanza Lokali rċieva talba għall-investigazzjoni mingħand Garbriella Agius, Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Belt, rigward l-attitudni tal-Kunsillier Raymond Attard, membru fl-istess Kunsill Lokali.

Agius allegat li bħala Kunsillier, Attard iġib ruħu fil-konfront tagħha b’attitudni mhux xierqa, jagħmel allegazzjonijiet bla bażi u jgħid diskors kontra l-integrità tas-Segretarju Eżekuttiv quddiem l-impjegati tal-Kunsill.

Il-Bord għamel l-istħarrig tiegħu u matul il-laqgħa tal-Bord li nżammet fid-29 ta’ Jannar 2016, Raymond Attard ta x-xhieda ġuramentata tiegħu. Hu qal li kien hemm persuna b’diżabbiltà li l-Kunsill kien iddeċieda li jagħmel żewġ bollards quddiem id-dar tiegħu biex ma jsirx parkeġġ u b’hekk din il-persuna jkollha aċċess liberu għad-dar tagħha.

Attard kompla li fuq ordni tas-Segretarju Eżekuttiv, dawn il-bollards tneħħew u minflok twaħħlet bollard waħda biss. Spjega li din il-persuna bi bżonnijiet speċjali talbitu biex il-Kunsill jerġa’ jagħmel iż-żewġ bollards, bil-Kunsillier iċempel lis-Segretarju Eżekuttiv biex jordnalha li l-bollards jerġgħu jitwaħħlu għax inħoloq inkonvenjent għall-persuna bi bżonnijiet speċjali.

Bħala Segretarju Eżekuttiv, Gabriella Agius qalet li minħabba l-ilmenti li kienet qed tirċievi, ippruvat issib soluzzjoni temporanja sakemm tinħareġ soluzzjoni permanenti mingħand il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) u Transport Malta. Min-naħa tiegħu, Raymond Attard, mingħajr ma ħa dan il-każ quddiem il-Kunsill Lokali, ipprova jsib soluzzjoni hu stess.

Fil-verità, jirriżulta wkoll li bħal dan il-każ, fil-Belt hemm aktar. Fil-fatt, il-Bord qed jitlob lill-Kunsill Lokali li jagħmel eżerċizzju ħalli dawn l-irregolaritajiet jiġu identifikati u jintalbu l-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità konċernata. Wara, fejn dawn il-permessi ma jinħarġux, il-bollards għandhom jitneħħew.