Internazzjonali

L-Iran jipprova l-missili ballistiċi bħala ‘deterrent’

L-Iran ipprova diversi missili ballistiċi waqt parti minn eżerċizzju militari. Il-missili kienu sparati minn silos f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż, bi sfida għall-pressjoni mill-Istati Uniti.

Il-Gwardjani Rivoluzzjonarji tal-Iran qalu, fi stqarrija, li l-provi juru ‘s-saħħa tad-deterrent tal-Iran flimkien mal-kapaċità tal-pajjiż biex jikkonfronta kwalunkwe theddida’.

F’Jannar li għadda, l-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet fil-konfront tal-programm tal-missili tal-Iran bi tweġiba għal sensiela ta’ provi min-naħa tar-reġim f’Teheran. Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li l-provi kienu saru b’abbuż ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

Ir-riżoluzzjoni li pprojbiet lill-Iran milli jaħdem fuq il-missili ballistiċi li jistgħu jġorru l-warheads nukleari skadiet ladarba kien implimentat ftehim nukleari bejn l-Iran u sitt potenzi tad-dinja, daqs xahrejn ilu. Intant, daħlet fis-seħħ riżoluzzjoni ġdida li ‘ssejjaħ biex l-Iran ma jidħolx għal dan it-tip ta’ attività’.

L-Iran, madankollu, qed jgħid li m’għandux armi nukleari u li se jkompli jiżviluppa l-missili.