Kurżitajiet

Leonardo DiCaprio qed jitlef is-sabar b’ħuh tar-rispett

L-attur famuż Amerikan, Leonardo DiCaprio, qed jitlef is-sabar b’ħuh tar-rispett li hu maħrub lill-pulizija wara li dan naqas milli jidher il-qorti biex iwieġeb għall-akkużi miġubja kontra tiegħu.

Il-pulizija qed tfittex lil Adam Farrar, oriġinarjament minn Hollywood, f’Kalifornja, wara li hu ma ppreżentax ruħu l-qorti b’konnessjoni ma’ serqa. Intant, ħareġ mandat għall-arrest ta’ Farrar, li għandu 44 sena, u li f’Jannar kien spiċċa arrestat, flimkien mas-sieħba tiegħu, talli, allegatament, ipprova jisraq oġġetti b’valur ta’ anqas minn $700.

Il-qorti issa ffissat pledge ta’ $2,100 għal Farrar, li kellu l-vizzju tad-droga u li jingħad kien ‘l-ispirazzjoni għal DiCaprio biex isir attur’.

Rapporti qalu Leonardo DiCaprio, li din is-sena rebaħ l-Oscar għall-Aħjar Attur għall-film The Revenant, jissimpatizza ma’ Farrar, ‘iżda hu wkoll frustrat minħabba li din kienet l-aħħar f’lista twila ta’ azzjonijiet li jirriflettu l-imġieba ħażina ta’ ħuh tar-rispett’.