Ambjent Lokali

Liġi mressqa mill-Oppożizzjoni għad-Demanju Pubbliku meqjusa pass kbir ’il quddiem

Front Ħarsien ODZ laqa’ l-approvazzjoni unanima min-naħa tal-Parlament għat-Tieni Qari tal-abbozz ta’ liġi dwar id-demanju pubbliku li tressaq mill-Oppożizzjoni.

Hu u jilqa’ dan l-abbozz ta’ liġi, il-Front qal li l-kunċett imressaq mill-Oppożizzjoni hu essenzjali biex jitħares il-ġid komuni u l-interess pubbliku kontra żvilupp li mhux sostenibbli, il-kummerċjalizzazzjoni u l-qerda ambjentali.

Tenna li fil-kummenti tiegħu lill-Gvern dwar ir-riforma tad-Dipartiment tal-Artijiet, il-Front qed jipproponi li art f’idejn pubblika, il-kosta u l-inħawi kollha skedati għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mid-dominju pubbliku u jkunu rregolati skont liġi li tħares dan il-qasam, biex dawn l-artijiet jiġu mħarsa mill-kummerċjalizzazzjoni.

Saħaq li l-Gvern m’għandux jitħalla, bil-liġi, milli jgħaddi art pubblika ODZ għal proġetti privati li jkunu jinvolvi żvilupp jew bini.