Internazzjonali

Progress fi pjan għall-immigrazzjoni li għadu mhux finalizzat

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea u t-Turkija qablu dwar il-prinċipji ġenerali ta’ pjan biex tittaffa l-kriżi tal-immigrazzjoni. Dan seħħ waqt summit fi Brussell li indirizza l-akbar kriżi tar-refuġjati mit-Tieni Gwerra ‘l hawn. Madankollu, ftehim għadu ma ġiex iffinalizzat u t-taħditiet se jkomplu qabel issir laqgħa oħra għall-UE bejn is-17 u t-18 ta’ Marzu.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal li se jintbagħtu lura l-immigranti irregolari kollha li jaslu l-Greċja mit-Turkija. Hu insista li l-Mexxejja preżenti għas-summit irnexxielhom ‘jiżblukkaw is-sitwazzjoni’ waqt li hu fiduċjuż li jikkonkludu ftehim il-ġimgħa d-dieħla.Tusk qal ukoll li l-progress li sar ‘jibgħat messaġġ ċar ħafna li spiċċaw il-jiem tal-immigrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa’.

Min-naħa tagħha, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, kienet aktar kawta u qalet li ‘dan għandu jitqies bħala żblokk jekk kemm il-darba l-pjan jissarraf f’realtà’.

It-Turkija trid li l-UE taċċetta refuġjat rikonoxxut Sirjan għal kull immigrant Sirjan li jintbagħat lura. Il-Mexxejja Ewropej qalu li jappoġġjaw ir-ritorn tal-immigranti irregolari kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi u, waqt is-summit, kienu proposti wkoll tħejjijiet għal deċiżjoni dwar il-ftuh ta’ kapitli ġodda fit-taħditiet dwar l-isħubija Torka fl-Unjoni Ewropea.

Matul is-sena l-oħra, aktar minn miljun persuna daħlu illegalment fl-artijiet tal-UE wara li qasmu għal hemm bid-dgħajsa – b’ħafna jaqsmu mit-Turkija lejn il-Greċja. Il-parti kbira ta’ dawn l-immigranti kienu Sirjani li qed jaħarbu mill-gwerra ċivili ta’ pajjiżhom. Bħalissa, it-Turkija qed iżżomm mat-2.7 miljun refuġjati Sirjani.

Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti esprimiet tħassib dwar il-pjan tal-UE u t-Turkija biex tittaffa l-kriżi tal-immigranti u sostniet li l-pjan jista’ jmur kontra l-liġi internazzjonali. Fl-istess ħin, l-aġenzija tar-refuġjati tan-NU (UNHCR) sostniet li kwalunkwe tkeċċija kollettiva ta’ barranin ‘mhix konsistenti mal-liġi Ewropea’.

X’tinkludi l-proposta tal-UE u t-Turkija?

Il-Mexxejja tal-UE qalu li jinħtieġu l-‘passi kuraġġjużi’ fil-konfront tal-kriżi tal-immigranti u ħarġu b’dawn il-proposti:
• Li l-immigranti irregolari ġodda li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi jintbagħtu lura t-Turkija, bl-UE terfa’ l-piż finanzjarju. L-immigranti irregolari huma dawk li jivvjaġġaw mingħajr dokumentazzjoni u fejn ma jintużawx il-proċeduri normali
• Għal kull Sirjan li jintbagħat lura t-Turkija, issir ir-rilokazzjoni (fl-UE) ta’ Sirjan ieħor li jkun residenti fl-artijiet Torok
• Se jitmexxew ‘il quddiem pjani biex iċ-ċittadini Torok ikollhom aċċess aktar faċli għall-UE. Dan bil-ħsieb li jkun peress l-ivvjaġġar mingħajr visa sa’ Ġunju li ġej
• Se ‘jitħaffef’ il-ħlas ta’ tliet biljun ewro mill-UE li kien imwiegħed f’Ottubru, filwaqt li ssir deċiżjoni dwar fondi addizzjonali li jgħinu lit-Turkija tieħu ħsieb il-kriżi tal-immigranti. Mifhum li t-Turkija talbet biex l-għajnuna mill-UE tiżdied għal sitt biljun ewro.
• Se jsiru tħejjijiet għal deċiżjoni rigward il-ftuh ta’ kapitli ġodda fit-taħditiet dwar l-isħubija eventwali tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea.