Il-mewt u dak kollu relatat magħha qed toħloq negozju b’saħħtu waqt li d-dħul mhux qed jinqasam kif xieraq …sitwazzjoni li fiż-żmien qrib niffaċċjaw azzjoni industrijali mid-deffiena
Ir-rapport li żvelat l-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar it-tmexxija taċ-ċimiterji, jelenka s-sitwazzjoni u l-bidliet bażiċi u urgenti li hemm bżonn li jsiru u li jridu jsiru b’mod immedjat quddiem sitwazzjoni mfissra bħala inaċċettabbli u li tista’ tisplodi f’idejna minn ħin għall-ieħor.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, poġġiet dan ir-rapport fil-Parlament bit-titlu ‘Lejn bidla fl-attitudni qabel ma jkun tard wisq’, wara li l-Ministru Konrad Mizzi ddikjara fi stqarrja ministerjali li ma kien hemm ebda irregolaritajiet fl-aħħar tliet snin fuq allegazzjonijiet li kienet għamlet f’Ottubru li għadda dwar abbużi fiċ-ċimiterji.
Ir-rapport, li kellu f’idejh il-Gvern iżda qatt ma rrifera għalih u ħa azzjoni dwaru, hu bbażat biss fuq informazzjoni li ġabar personalment l-Amministratur taċ-Ċimiterju tal-Addolorata wara li ltaqa’ b’mod individwali mal-ħaddiema kollha li jaħdmu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, Ta’ Braxia u Tar-Rabat, u wara li żar iċ-ċimiterji.
Ir-rapport ma trattax l-estensjonijiet ippjanati għall-gejjien, kemm dik ta’ aktar minn 3,500 qabar fl-Addolorata, u 350 qabar ieħor f’Sant Andrija f’Ħaż-Żebbug.
Jitfisser fir-rapport li “qed naħdmu f’sitwazzjoni inaċċettabli li tista’ tesponina ferm ħażin fil-pubbliku speċjalment jekk joħorġu ċertu rapporti fil-media. Is-sitwazzjoni minn barra, għalkemm mhix tajba ma tidhirx kerha, urġenti u prekarja daqskemm hi meta tara l-affarijiet minn ġewwa u tibda tmisshom b’idejk. Is-sitwazzjoni fiċ-ċimiterji f’Santa Marija Addolorata ilha sejra ħażin għal dawn l-aħħar 12-il sena, u issa meħtieġa deċiżjonijiet immedjati u kuraġġużi.
Irrimarka li “l-bniedem għandu jkun imħares min-nieqa sal-qabar…… li l-bniedem jibqa’ jingħata rispett wara mewtu hu importanti daqskemm jingħata rispett u servizz f’ħajtu. Dan ir-rispett jinħass nieqes.
Il-ħaddiema qed jaħdmu fl-agħar livelli ta’ iġene possibbli
Ir-rapport isemmi li biex il-ħaddiema jħossuhom parti minn din il-ħidma jridu jkunu parteċipi u jinħassu rispettati. B’riferenza l-aktar għad-deffiena, security u l-watchman, għalkemm hemm ukoll nies li jaħdmu fir-registry ukoll, intqal li l-ħaddiema mhumiex kuntenti u komdi jaħdmu. Isostnu li ntbagħtu jaħdmu f’dan il-qasam b’kastig jew għax ħadd ma riedhom.
Agħar minn hekk qed jaħdmu fl-agħar livelli ta’ iġene possibbli. Is-Sanità abdigat mir-responsabbiltà u qed tħalli dan l-abbandun. Il-prekarjat ma jfissirx biss ħlas inġust lill-ħaddiema imma wkoll in-nuqqas ta’ ambjent, il-periklu, il-mod kif jaħdem fih u r-rispett li jintwera lejh.
Fl-aħħar sena l-affarijiet f’xi ħwejjeġ marru għall-agħar
Id-deffiena huma nies esposti għall-mard u bla ebda protezzjoni. Huma urtati li anke jekk ittamaw mod ieħor, fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Laburista l-affarijiet baqgħu isegwu l-istess norma ta’ qabel, u f’xi ħwejjeġ marru għall-agħar.
Minn dak li ra, il-ħaddiema huma demotivati u jħossuhom imwarrba mill-amministrazzjoni li tellgħet ħitan li jifirdu u li żgur mhux faċli li jinħattu. Fl-Addolorata u f’ċimiterji oħra ma jeżistu l-ebda sens ta’ rispett u tolleranza. Dan ġie kkawżat l-aktar minħabba li l-ħaddiema, anke meta kienu rappreżentati mill-union ftit li xejn ingħataw widen. Qegħdin f’sitwazzjoni li fiż-żmien qrib niffaċċjaw azzjoni industrijali mid-deffiena.
Ħaddiema għadhom jistennew l-allowanċe ta’ €900 fis-sena
Il-ħaddiema għadhom qed jistennew li jieħdu allowance li jinvolvi madwar €900 fis-sena – €300 kull erba’ xhur. Il-union għarreft lill-ħaddiema, li l-Gvern kien approva dan l-allowance tagħhom anke minħabba li dan kien approvat u ngħata wkoll lill-ħaddiema tal-kamra mortwarja, imma dan sal-lum għadu ma ngħatax lil taċ-ċimiterji.
Id-deffiena huma fost il-ftit nies fis-settur tas-saħħa li għadhom ma ngħatawx l-allowance li tpatti għar-riskji li qed ikunu esposti għalih b’rabta max-xogħol taggħom. Il-GWU ilha tressaq din it-talba f’isimhom imma jidher li ftit kien hemm ħeġġa biex dan iseħħ. Il-ħaddiema qed ikunu meqjusa bħala t-tilqit tas-soċjetà u li ma jixirqilhomx rispett.
Is-sitwazzjoni turi apparat u għodda li ilhom xhur ma jissewwew, inkluz muturi li jaqtgħu l-ħaxix jew li jaqtgħu s-siġar. L-istore hu vojt u mhux miżmum tajjeb bħalma hu mitluq il-kwartier kollu.
Nuqqas kbir ta’ ħwejjeġ u ħwejjeġ adegwati għall-ħaddiema
Jinħass ukoll nuqqas kbir ta’ ħwejjeġ, u ħwejjeġ adegwati għall-ħaddiema li jdumu jitkarbu għalihom. Dan qed ipoġġi imaġni hazina fuq iċ-ċimiterju li ovvjament tkattar ukoll id-dizappunt min-nies li fis-sigħat l-iebsa ta’ ħajjithom, jassistu għal din il-medjokrità li tixhed nuqqas ta’ rispett lejn il-mejjet.
Bħala eżempju semma kif id-deffiena li jinżlu jħammlu, iridu jingħataw dangarie u mhux qalziet u flokk għax il-konsegwenzi huma ovvji (jispiċċaw kontinwament jesponu l-warrani). Lanqas ma jingħataw inċirata meta jidfnu fix-xita bil-konsegwenza li jispiċċaw flieles.
Tfisser ukoll “ma nistgħux ninsistu li l-ħaddiema jilbsu l-unformi u jkunu preżentabbli meta l-amministrazzjoni qed tiskoraġġixxi dan.” Lanqas mhuma jingħataw l-injection protettiva għax-xogħol li qed jagħmlu waqt li dawn jaħdmu b’nuqqas ta’ ħarsien għal saħħithom meta kien hemm min ingidem xi bergħut u kważi kienu f’xifer il-mewt. Hemm ukoll nuqqas jew użu ta’ ngwanti inadekwati, nuqqas ta’ għodda u ta’ użu ta’ maskri. Minkejja li nġibdet l-attenzjoni, kien hemm biss apatija u kuntlarju.
Lanqas teżisti kaxxa tal-first aid …deffien li waqa’ u selaħ siequ lanqas kellu biex jiddewwa
Tfisser bħala tad-daħk li lanqas biss teżisti kaxxa tal-first aid jew inkella li l-użu tagħha mhux aċċessibbli għal kulħadd. Semma każ ta’ deffien li waqa’ u selaħ siequ u lanqas kellu biex jiddewwa.
Fl-post fejn jinsabu r-restrooms, ix-showers huma abbandunati u fi stat ta’ telqa kbira, bla ilma adegwat u bi problemi strutturali fosthom taraġ li qed jisfronda, u ħmieġ kbir.
Semma kif ordna li ssir tibjida ħafifa u tindif li sar minn ħaddiem taċ-ċimiterju li s’issa żgur ma kienx qed jintuża kif xieraq, anzi kien ikun skartat bil-barka tal-amministratur.
Fl-aħħar 12-il sena dawn il-ħaddiema mhux biss ħadd ma ta kashom, imma ntwera nuqqas ta’ rispett lejhom, ugħalhekk saru ribellużi. Bi sfida nħolqotilhom roster li tista’ tkun aħjar billi d-deffiena jibdew jaħdmu ġurnata iva u oħra le, u tiġi eliminata sitwazzjoni li jkun hemm aktar minn sagħtejn fuq il-post tax-xogħol iħarsu u jiċċassaw għalxejn.
Irrimarka wkoll kif saru rapporti kontra d-deffiena mis-superjuri tagħhom stess, li flok aġixxew internament, abdigaw mir-responsabbiltà u nvolvew lil-ligi, b’każi ta’ deffiena li spiċċaw telgħin u neżlin il-Qorti u għalhekk qed jiġu ġranet fejn il-ħaddiema kollha qed ikollhom jitilgħu l-Qorti flimkien. Saħaq li min hu beżżiegħ ma jistax jitħalla jamministra.
Mhux il-ħaddiema kollha huma l-istess
Id-deffiena indikaw li kienet xi ħaġa ta’ kuljum li min kellu jara li jirranġa s-sitwazzjoni, ifarfar din ir-responsabiltà u jdahhal terzi persuni kif jiftillu l-ahjar, fosthom pulizija. Irriżuta wkoll li għalih mhux il-ħaddiema kollha huma l-istess, partikolarment “it-tifel tas-Sur Micallef” – is-Sur Emmanuel Tanti – li kien ikun kontinwament skartat mill-post tax-xogħol u li lanqas kien jiffirma s-sign sheets u rari kien jersaq lejn l-Addolorata bl-iskuża li kien ikun jaħdem f’postijiet oħra. Għalkemm kien jagħmel xi xogħol, tas-siegħa li kien jahdem kien ikun sebgħa skartat.
Din il-persuna tagħmel ukoll diversi xogħlijiet privati fosthom ta’ mekkanik, u waqt il-ħin tax-xogħol mhux darba u tnejn li rranġa karozzi ta’ xi uffiċjali taċ-ċimiterju bla ħlas f’garaxx li għandu f’Ħal Għaxaq.
Kollox qed isir bi crisis manegment u kollox hu aċċettat
Problema oħra kbira hi fejn jidhlu l-watchmans u s-securities billi l-istaff qed jahdem bin-nieqes. Fl-aħħar tliet snin ingemgħa ħafna time in lieu. Is-sitwazzjoni aggravat meta wieħed minn dawn intbagħat sentenza l-ħabs u issa se taggrava billi wieħed irtira. Azzjoni ma ttiħditx u għal darba oħra kollox qed isir bi crisis manegment, kollox hu aċċettat, u xejn mhu xejn fejn fl-amministrazzjoni m’hemm rieda biex dawn il-ħwejjeġ jittranġaw. Hemm ukoll persuni li qed jagħmlu xogħol mod u għadhom qed jitħallsu ta’ gradi inqas, waqt li hemm oħrajn li l-grad jew esperjenza tagħhom ma taqbilx max-xogħol li jagħmlu.
Ir-rapport jelenka dak li hemm bżonn: żewġ watchmen, żewġ seċurities (gate keepers), deffien jew tnejn, żewġ impjeagti fil-manutenzjoni, u persuna fir- registry bhala xogħol klerikali.
Hemm bżonn li tinħoloq sistema jew registru dwar l-inspections fiċ-ċimiterju biex kull każ ta’ vandaliżmu jkun individwat.
Għal dawn l-ahhar tliet snin il-ħaddiema ilhom jitolbu biex jiżdied l-istaff, imma qatt ma sar xejn u s-sitwazzjoni tħalliet dejjem tistaġna, bis-sitwazzjoni hija insostenibbli.
B’mod urġenti jeħtieg investiment fl-istaff kif ukoll fl-apparat u fiż-żamma tal-post, bi staff aktar żagħżugħ u motivat, aktar kooperazzjoni bejn l-istaff biex tonqos il-pika.
L-aktar parti importanti fl-amministrazzjoni tal-Addolorata hija l-agħar
Ir-rapport jenfasizza kif l-aktar parti importanti fl-amministrazzjoni tal-Addolorata, hija l-agħar parti – ir-Registry – fejn isir l-ikkatalogar tal-mejtin u tal-oqbra. Is-sistema kompjuterizzata hi medjokri. Informazzjoni dwar tindif ta’ oqbra mhux korretta biżżejjed. Hemm ukoll nuqqas ta’ kaxxi fejn jinżammu d-dokumenti.
Health inspector jagħmilha wkoll ta’ kummissjonant
Fir-Registry, hemm staff inadegwat u mhux qed jingħata s-servizz li għandu jinagħta l-pubbliku. Hemm health inspector li qed jagħmilha wkoll ta’ kummissjonant u li wkoll jirċievi ċertu tips bħalma jirċievu wkoll ħaddiema oħra tar-Registry. Billi huwa kummissjonant, mhux darba u tnejn li rreklama u ħeġġeġ għal bejgħ u l-użu tas-servizzi tiegħu u wkoll biegħ kaxxi tal-plastik lin-nies mill-uffiċċju biex fihom ipoġġu l-għadam tal-mejtin waqt il-proċess tat-tindif.
Ir-rapport jirrakkomanda li hi l-amministrazzjoni taċ-ċimiterju li għandha tbiegħ dawn il-kaxxi u ħadd iżjed. Dawn il-kaxxi qed jinbiegħu madwar €20 kull wahda, u li dan qed joħloq kunflitt serju ta’ interess bil-barka tal-amministrazzjoni.
Semma li l-fdalijiet għandhom jitqiegħdu fil-parti t’isfel tal-qabar f’boroż jew xkejjer bil-għan li wieħed joħloq aktar spazju.
Il-ħaddiema tar-Registry huma urtati li l-ilmenti li dejjem ressqu lill-amministratur baqa’ qatt ma sar xejn dwarhom. Fosthom talba għal siġġijiet, modernizzar tal-uffiċċju u saħansitra lanqas biss ikunu pprovduti bl-istationery li jkollhom bżonn.
Żdiedu proċeduri ġodda ta’ xogħol li ftit jagħmlu sens
Jissemma wkoll kif fl-aħħar snin żdiedu proċeduri ġodda ta’ xogħol li ftit jagħmlu sens u li wasslu biss għall-użu ta’ aktar karti u firem fil-proċess, u anke nuqqas ta’ iġene.
Persuna ndifnet bla ma ġiet reġistrata
Issemma kif is-Sibt u l-Ħadd fir-Registry qed jiddaħħal spettur sanitarju ieħor mal-istaff taċ-ċimiterju li lanqas biss għandhom idea xi jridu jagħmlu. Semma każ ta’ persuna li ndifnet bla ma ġiet reġistrata. Ir-rwol ta’ spettur sanitarju jinkludi li jkun preżenti waqt tħammil u dfin, ħaġa li ma ssir qatt u minn ħadd.
Kien hemm ukoll xi impjegati li ġibdu l-attenzjoni li hemm min ma jkunx fil-post tax-xogħol il-ħin kollu, l-aktar nhar ta’ Ħadd. Il-persuna li tieħu ħsieb il-kappella tal-Addolorata, fuq roster li tinqasam bejn sitt inspectors li jitħallsu bl-overtime, qed tikkawża nfiq żejjed.
Nixxaħħu fil-bżonn u nitlaħalħu fejn m’hemmx bżonn
“Dan jistona ħafna mat-tqanċiċ li hawn. Qed nixxaħħu fil-bżonn u nitlaħalħu fejn m’hemmx bżonn. Kull Ħadd jew Sibt qed tiswa liċ-ċimiterju mal-€120. Dan jistona wkoll mal-fatt li lill-watchman jew securities, l-overtime jingħatalhom bis-siegħa siegħa, u time off.
Fl-aħħar snin ġew mibdula proċeduri li kienu ilhom is-snin fejn jidħol tindif ta’ oqbra u tqegħid ta’ fdalijiet u għadam fl-ossarju – liema tibdil qed jonqos mir-rispett lejn il-mejjet.
Sa mit-twaqqif taċ-ċimiterju, kull fratellanza jew grupp rispettiv li għandu l-oqbra tiegħu fl-Addolorata, ħalla dejjem qabar wieħed jew aktar skont il-ħtieġa sabiex jintuża bħala ossarju. Dan ifisser li meta l-kumplament tal-oqbra jitbattlu, filwaqt li t-twiebet u ċ-ċraret jitneħħew, l-għadam jitpoġġa f’dawn l-ossarji.
Dehra makabra u moqżieża
Ir-rapport jispjega kif minn ftit ’l hawn, l-amministratur daħħal l-idea li sabiex l-għadam jitqiegħed minn qabar għal ġo l-ossarju, minbarra li jħallsu għat-tindif tal-qabar il-proprjetarji jridu jagħmlu permess għand il-pulizija għal kull mejjet li se jaqilgħu, apparti li jħallsu wkoll €13.74 għal kull mejjet. Peress li dawn l-oqbra l-parti l-kbira jappartjenu lill-parroċċi li dħul finanzjarju minnhom huwa minimu, dan wassal biex minflok, biex ikunu evitati dawn l-ispejjeż, il-proprjetarji qegħdin inaddfu l-qabar imma jħallu l-fdal kollu fil-parti t’isfel tiegħu. Konsegwenza ta’ dan, id-dfin il-ġdid qed jitqiegħed direttament fuq għadam, biċċiet ta’ ħwejjeġ u żraben li jagħtu dehra makabra u moqżieża lil dak li jiġu jidfnu lill-għeżież tagħhom dirett fuqhom.
Ħaġa oħra li daħlet dan l-aħħar u li qed toħloq problema, sforz ta’ każ li spiċċa wasal sal-Qorti, hi li d-deffiena mhumiex qed ineħħu l-ħwejjeġ lill-mejtin. Din tmur kontra l-liġi sanitarja li permezz tagħha tispeċifika li meta persun tinqala’, fl-ossarju għandu jitpoġġa biss l-għadam u mhux il-ħwejjeġ ukoll, għaliex dawn jispiċċaw jieħdu ħafna spazju għalxejn.
Appell biex jitwaqqfu proċeduri skorretti
Appella biex b’mod immedjat jitwaqqfu dawn il-proċeduri skorretti li jmorru kontra kull norma u sengħa u li ċ-ċimiterju ilu jħaddem bla problemi għal dawn l-aħħar 140 sena.
Sistema ohra li ddaħħet fl-aħħar żmien hija dik li t-twiebet u biċċiet oħra ta’ ċraret u materjal ieħor minflok qed jinħaraq bħalma ilu jsir għal dawn s-snin kollha, dawn qed jintefgħu f’żewġ open skips, fejn il-kanċell ta’ wara taċ-ċimiterju. Dan qed ikerrah id-dehra u joħloq inkonvenjent li jista’ wkoll jikkawża mard. Problema oħra għall-ħaddiema hi li lanqas għandhom vetturi. Hemm ħtieġa urġenti għal dumper u vann żgħir.
L-aktar ħaġa moqżieża li għaddej bħalissa fiċ-ċimiterju tal-Addolorata
Ir-rapport jirrifiera għal dak li jfisser bħala l-aktar ħaġa moqżieża li għaddej bħalissa fiċ-ċimiterju tal-Addolorata meta qed jinġab materjal mill-isptar relatat ma’ amputazzjonijiet u organi umani u li qed jintefgħu fl-ossarji. Dawn żgur li posthom mhuwiex fiċ-ċimiterju imma għandhom jittieħdu f’xi inċeneratur biex jinħarqu.
Tfisser ukoll kif kien qed jiġi konkluż il-proċess relatat ma’ memo li se titressaq mill-Ministru għas-Saħħa quddiem il-Kabinett għall-approvazzjoni, li tħeġġeġ proċeduri ta’ xogħol, tittratta l-estensjonijiet taċ-ċimiterji u tipprovdi qafas għat-tmexxija taċ-ċimiterji bil-għan li jitjieb is-servizz u r-rispett.
Jissemma wkoll kif kien hemm tentattiv qawwi u pjan biex iċ-ċimiterju jkun strettament taħt l-ispetturi Sanitarji biss. Dan biex l-istess spetturi jaġevolaw il-pożizzjoni tagħhom, ikollhom kontroll assolut u li ħadd ma jkollu d-dritt li jwaqqafhom minn ċertu deċiżjonijiet jew attitudnijiet. Kien qed ikun issuġġerit li l-pulizija ma jkollha l-ebda jedd fejn jidħlu mejtin u dfin, saħansitra fil-ħruġ taċ-ċertifikati tal-mewt. Dan imur kontra l-liġi.
Xamma ta’ korruzzjoni …oqbra f’passaġġi u flok siġar li tqaċċtu, jew ma’ ħitan
Jirriżulta wkoll minn informazzjoni li ngħatat mid-deffiena u anke minn xi kummissjonanti, li fl-aħħar snin ukoll inħolqu spazji ġodda għal oqbra, li żgur imorru kontra l-pjanta u kontra n-norma, fosthom oqbra f’passaġġi, fjuraġġi, u flok siġar li tqaċċtu jew ma’ ħitan. Jidher li hawn seta’ kien hemm lok ta’ abbuż minn min kien responsabbli jamministra ċ-ċimiterju u jamministra l-oqbra. Tali abbuż jista’ jidher li fih hemm ukoll xamma ta’ korruzzjoni kif ġraw l-affarijiet, ovvjament bi flus involuti.
Appella biex dan jiġi investigat, u staqsa li jekk jirriżulta dan, fejn marru dawn il-flus? Dan huwa każ li fih tista’ tidħol ukoll il-pulizija.
Semma wkoll fir-rapport, kif irriżulta li kien hemm relazzjoni tajba u kunfidenzi żejda ma’ ċertu kummissjonant li għadu jaħseb li ċ-ċimiterju hu tiegħu u li jista’ jagħmel li jrid. Semma kif din il-persuna kenet tinnota sit partikolari, u bi ftehim jibda jħaffer qabar li mbagħad jinbiegħ. Semma li dan ma kienx każ ta’ darba.
Il-post fejn suppost jintuża għal dfin temporanju, id-depost, ukoll hu fi stat ta’ abbandun u llum hu magħluq għal kulhadd, minkejja li fih aktar minn 40 qabar li jistgħu jintużaw. Semma kif fl-aħħar snin, b’mod illegali, tqiegħdu diversi fdalijiet minn dan l-istess kummissjonant, u magħhom niżżel ukoll xi lapidi flok tpoġġew fl-ossarju tal-komun kif isir s-soltu. Wieħed għandu jifhem li dan sar b’favur li miegħu igib ukoll ħlas.
Anke wara l-mewt isiru l-preferenzi li jiġu bil-favuri u jġibu magħhom il-perkaċċi
Fdalijiet umani tpoġġew fid-depost għal żmien indefinit u għadhom hemm sal-lum meta dan il-post għandu jkun wieħed temporanju. Il-veru każ li anke wara l-mewt isiru l-preferenzi u l-preferenzi jiġu bil-favuri li jġibu magħhom il-perkaċċi.
Semma wkoll kif dan il-kummissjonant għandu ċwievet u aċċess għal ċertu sezzjonijiet taċ-ċimiterju tal-Addolorata bil-barka tal-amministratur.
Nuqqasijiet oħrajn jinkludu sinjali li jimmarkaw is-sezzjonijiet differenti. Ġie nnutat ukoll innumerar falz, li jixhed li dawn l-oqbra saru wara billi nsteraq spazju, jiġifieri li ttieġed spazju mill-passaġġi biex saru dawn l-oqbra li nbiegħu mingħajr l-ebda indikazzjoni ta’ prezzijiet. Semma każ ta’ persuna li għamlet xenata u allega li ħallset Lm5,000 għal qabar li wegħduha imma, iżda li baqgħet ma ħaditx. Jidher li l-kummissjonant kien iħaffer u persuna oħra tittrasferixxi l-ownerships.
Problema ta’ provvista ta’ ilma … iżda b’ġibjun kbir li hu qoxqox
Iċ-ċimiterju għandu wkoll problema ta’ provvista ta’ ilma minkejja li fiċ-ċimiterju hemm ġibjun kbir li jesa 400,000 miljun gallun iżda li hu qoxqox.
Serq sfaċċat bl-approvazzjoni ta’ uffiċjal tas-Sanità
Irriżulta wkoll li kien hemm l-approvazzjoni biex sid ta’ gabbana li kien jarma fejn iċ-ċimiterju ta’ Braxia, iqabbad id-dawl tiegħu mal-main taċ-ċimiterju. Sejjaħ dan bħala serq sfaċċat li sar bl-approvazzjoni ta’ uffiċjal tas-Sanità. Jeħtieġu wkoll kontrolli aktar serji fuq min jidħol fiċ-ċimiterju bil-karozzi meta hemm ċertu nies li jidħlu u jħossu li għandhom xi dritt li jidħlu fiċ-ċimiterju xħin iridu u bis-sound full on.
Għandu jkun hemm sistema aktar serja kif jinfetħu, u xhin jinfethu l-oqbra għad-dfin. Oqbra li jkun se jsir dfin fihom waranofsinhar qed jinfetħu minn filgħodu kmieni, bil-konsewgwenza tal-periklu u wkoll ta’ riskju li jinxtered il-mard.
Deffiena naqsu mir-rispett lejn il-familjari meta talbu t-tips
Ir-rapport jappella għal aktar kontroll dwar xi flus jgħaddu u għand min jgħaddu waqt il-proċess kollu, sew fid-dfin u anke fit-tindif, biex dan isir b’aktar kontroll u regolarizzazzjoni b’rata tkun fissa. Hu enfasizzat li fl-ebda ħin dawn it-tips m’għandhom jingħataw b’obbligu meta ntqal li f’xi każi d-deffiena naqsu mir-rispett lejn il-familjari minħabba dawn t-tips.
Problema oħra tirrigwarda r-rappurtar ta’ ħsarat fiċ-ċimiterji li ftit jingħataw widen, fosthom ħsara fis-sistema tad-dawl, bozoz maqtugħin u ħsarat strutturali.
Ir-rapport jistaqsi jekk hemmx baġit annwali mgħoddi għall-amminsitrazzjoni, tmexxija u żamma taċ-ċimiterju. Sejjaħ bħala tal-misthija li f’xahar tibqa’ tittallab għal siggu, għal-linja tat-telefown u għal laptop.
Il-problemi fl-Addolorata huma kollha riflessi fiċ-ċimiterji ż-żgħar
Jirriżulta wkoll kif il-problemi fl-Addolorata huma kollha riflessi fiċ-ċimiterji ż-żgħar tal-Gvern, fosthom ta’ Braxia, tar-Rabat, Burmarrad u tal-Mosta fejn saħansitra ċ-ċwievet u l-ftuħ u l-għeluq ta’ dawn iċ-ċimiterji qed jiġru fl-idejn u jinżammu għand terzi persuni bla ebda kontroll.
Ir-rapport isemmi kif li fl-aħħar snin seta’ sar tbagħbis fejn jidħlu l-bejgħ tal-oqbra fl-irħula. F’Burmarrad, ammont ta’ oqbra li suppost kellhom jinbiegħu ġew riservati u wara setgħu nbiegħu bi prezz mhux fiss mill-amministratur jew billi jitqabbad kummissjonant li jsib il-bejgħ tagħhom. Jista’ jkun ukoll li ċerti oqbra nżammu u ma nbigħux mill-ewwel biex titkattar id-domanda, jogħla l-prezz jew ikun hemm lok għal talbiet ta’ favuri, b’konsegwenzi ovvji fosthom flus minn taħt.
Il-ħażin jegħleb bil-goff il-ftit tajjeb li hemm
F’dan s-settur mhux kollox hu hazin imma l-ħażin jegħleb bil-goff il-ftit tajjeb li hemm. “M’hemmx kelma ohra biex tiddeskrivi l-operat taċ-ċimiterji ħlief medjokrità. Hawn telqa, apatija u sitwazzjonijiet ta’ piki. Hawn flus għaddejja li minnhom iċ-ċimiterji mhumiex jibbenefikaw. Importanti li b’mod immedjat ikun hemm bidla mhux biss fit-tmexxija imma wkoll fil-mentalità. Iċ-ċimiterji huma post li jixirqilhom rispett… ħaġa li bħalissa hi ineżistenti. Il-problema hija waħda… li l-mejtin ma jivvutawx. Iċ-ċimiterji jeħtieġu l-flus u l-flus jistgħu jiġu ġġenerati wkoll bl-intorduzzjoni ta’ fee minima għal dritt tad-dfin bħalma jsir fiċ-ċimiterji tal-parroċċi, liema flus fil-każ ta’ ċimiterji tal-Gvern qed jibqgħu għand il-kummissjonanti.”
Ir-rapport jappella għal aktar dixxiplina u rispett bejn min jaħdem u min jamministra. Bil-mod kif sejrin l-affarijiet ninsabu fix-xifer. Dal-Gvern hu obbligat li jinkoraġġixi bidla fl-attitudni, fl-amministrazzjoni u fil-mod kif jopera l-qasam tal-funerali u l-amministrazzjoni taċ-ċimiterji.
Il-problema trid tigi indirizzata mill-għeruq, u li l-bidla hi urġenti qabel ikun tard wisq
Il-mewt u dak kollu relatat magħha qed toħloq negozju b’saħħtu għalkemm id-dħul mhux qed jinqasam kif xieraq. Ir-rapport jagħlaq b’dawn id-dikjarazzjonijiet: “il-problema trid tigi indirizzata mill-għeruq, u li l-bidla mhix lussu imma hija meħtiega u urġenti qabel ikun tard wisq.”