Uffiċjali fil-Malasja u l-Awstralja huma ‘fiduċjużi’ li jinstab l-ajruplan tal-Malaysian Airlines li kien għab sentejn ilu, fit-8 ta’ Marzu tal-2014, waqt titjira minn Kuala Lumpur lejn Beijing fiċ-Ċina.
Titjira MH370 ilha dan iż-żmien kollu suġġetta għal misteru u ħadd ma jaf x’għadda minnu mindu sparixxa minn fuq ir-radar fil-jum partikolari, meta kellu 239 persuni abbord.
Fil-preżent, skwadri taħt tmexxija Awstraljana qegħdin ifittxu għal ħjiel tal-ajruplan – tat-tip Boeing 777-200 ER — f’zona ta’ 120,000 kilometru kwadru lejn in-nofsinar tal-Oċean Indjan. Dan meta sallum instabet biss biċċa waħda ‘ikkonfermata’ mill-fdalijiet tal-ajruplan, fuq il-Gżira ta’ Reunion.
Investigaturi fil-Malasja, intant, qalu li ċerta informazzjoni ewlenija għadha għaddejja minn analiżi bit-tama li titfa’ dawl ġdid fuq l-għajbien tal-MH370.
L-investigatur ewlieni Malasjan, Kok Soo Choon, tkellem ilbieraħ fuq it-Televiżjoni fejn qal li l-investigaturi qed jużaw l-informazzjoni relevanti biex jistinkaw ‘lejn konklużjoni tal-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet rigward tmien zoni relevanti assoċjati mal-għajbien tal-ajruplan’.
L-iskwadra tal-investigaturi qed titmexxa mill-Malasja u tinkludi esperti mill-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Awstralja, Franza u r-Renju Unit.
It-tfittxija għall-fdalijiet tal-ajruplan Malasjan hi kkalkulata li swiet aktar mill-ekwivalenti ta’ 92 miljun Sterlina u l-pajjiżi qalu li t-tfittxija se tintemm ladarba huma jkopru s-search area sħiħa. L-impenn x’aktarx li jikkonkludi f’nofs is-sajf.
Il-Prim Ministru tal-Malasja, Najib Razak qal li ‘għadu qed jittama fis-sejba ta’ Titjira MH370’, iżda ladarba l-pajjiżi jkopru z-zona tat-tfittxija sħiħa, il-Gvernijiet rispettivi għandhom jiltaqgħu biex jiddeterminaw il-passi li jmiss.
Razak ikkonkluda bil-messaġġ li ‘jinsabu impenjati biex isir minn kollox possibbli biex isolvu l-misteru u jtaffu l-uġigħ ta’ kulmin tilfu l-għeżież fil-każ’.
//= $special ?>