Edukazzjoni Lokali

Titnieda Diploma fil-Letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta

L-Università ta’ Malta se tkun qed toffri Kors ġdid permezz tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti. Il-Kors hu ta’ Diploma fil-Letteratura Maltija: L-analiżi u t-tħaddim tal-letteratura fis-seklu 21.

Il-Kors, li se jkun immexxi bl-għajnuna wkoll ta’ Banif Bank Malta plc u l-Kunsill Malti għall-Arti, se jibda jiġi offrut minn Ottubru 2016 fuq bażi part-time mifrux fuq sentejn bil-lectures isiru filgħaxijiet.

Dan mistenni jkun kors innovattiv bl-iskop li joħroġ ‘il barra mill-konfini tal-letteratura għax se tissieħeb ma’ profesjonijiet oħrajn, fosthom kif il-letteratura tingħaqad mal-mużika. Fost is-suġġetti mgħallma se jkun hemm ukoll id-drama Maltija, ir-rwol tal-qarrej, letteratura tat-tfal u l-adoloxxenti, editjar ta’ manuskritt letterarju u aktar.

Għal dan il-kors jistgħu japplikaw dawk kollha li għandhom mill-anqas grad Ċ fil-livell Avvanzat tal-Malti jew dawk li għalqu 23 sena. L-applikanti ssirilhom intervista qabel jkunu aċċettati fil-Kors.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur dan is-sit elettroniku.