Ħadd ma weġġa’ fi sparatura li seħħet illejla f’kumpless ta’ garaxxijiet fil-Gżira.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li l-isparatura seħħet għall-ħabta tas-6.30pm f’kumpless ta’ garaxxijiet fi Triq Luqa Briffa wara argument bejn żewġt irġiel, żagħżugħ ta’ 24 sena u raġel ta’ 43 sena, it-tnejn mill-Gżira.
Jirriżulta li f’ħin minnhom, iż-żagħżugħ telaq mill-post biex iġib arma tan-nar, li sparaha fid-direzzjoni tar-raġel. Madankollu, fortunatament, il-vittma ma ntlaqatx mit-tir.
Iż-żagħżugħ ħarab mill-post, iżda tfittxija mill-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit wasslet biex iż-żagħżugħ inqabad u ġie arrestat. Persuni li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li ż-żagħżugħ instab fi Triq San Albert, li tmiss mat-triq fejn seħħet l-isparatura.
Aktar tard, il-Pulizija żaru l-kumpless ta’ garaxxijiet fejn seħħ il-każ, fejn bdew l-investigazzjonijiet fix-xena tar-reat.
Fil-fatt, fil-post waslu Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u anke mis-Sezzjoni tal-Investigazzjonijiet tax-Xena tal-Krimini.
Il-Maġistrat tal-għassa Charmaine Galea ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta, filwaqt li qed tiġi assistita minn numru ta’ esperti.
//= $special ?>